Sunday, November 24, 2024

UCL s/finali (I Leg): Vantaġġ minimu għal Borussia D. fuq Paris SG

Aqra wkoll

Borussia Dortmund ….. 1

Paris St-Germain……… 0

Meta ntlagħab l-ew­wel leg tat-tieni semi-fina­li tal-UEFA Champions Lea­gue, Borussia Dortmund kisbu vantaġġ mini­mu meta għelbu lil Paris St-Germain bl-iskor ta’ 1-0 biex il-ġimgħa d-dieħla il-Pariġini jospitaw it-tieni leg u għaldaqstant kollox għadu miftuħ beraħ.  

Fil-ħinijiet inizjali, iż-żewġ timijiet ftit li xejn taw spazju lil xulxin biż-żewġ difiżi jirbħu d-dwelli kontra l-attakkanti rispettivi.

L-ewwel ċans tal-partita wasal fit-13-il minuta, minn Borussia Dortmund, meta Jadon Sancho xeħet lejn Marcel Sabitzer li minn pożizzjoni angolata ra lill- goalkeeper, Gianluigi Donnarumma, jagħlaq l-ispazju neċessarju biex il-goalkeeper Pariġin salva tajjeb.

Fid-29 minuta, Julian Brandt xeħet cross insidjuż fil-kaxxa ffollata ta’ Paris St Germain fejn Achraf Hakimi ikklerja bir-ras f’corner f’mument panikuż. 

Erba’ minuti wara, il-Pariġini ħarbu b’kontrattakk fejn Kylian Mbappe xeħet lejn Bradley Barcola li kompla lejn Ousmane Dembele li naqas li jikkonnettja.

Ta’ dan in-nuqqas, fis-36 minuta, Borussia fetħu l-iskor meta Niclas Fullkrug ħareġ għal pass fit-tul, ikkontrolla tajjeb u kif daħal fil-kaxxa venven xutt fil-baxx biex għeleb għal kollox lil Donnarumma.

Fit-42 minuta, l-istess Donnarumma evita goal ċert meta salva fuq Sabitzer minn tarf il-kaxxa ż-żgħira.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Paris St Germain ħarġu fuq l-offensiva u fit-52 minuta kienu ferm sfortunati meta laqtu l-lasti darbtejn minn Kylian Mbappe u Achraf Ha­kimi.

Fit-62 minuta, il-Ġerma­niżi appellaw għal penalty meta Nuno Mendes għamel kuntatt ma’ Fullkrug fil-kaxxa iżda kien kollox normali għar-referee.

Fit-72 minuta, il-goalkeeper ta’ Borussia, Gregor Kobel, kien providenzjali meta salva t-tentattiv ta’ Ousmane Dembele.

Sitt minuti wara, l-istess Dembele falla ċans ieħor meta minn quddiem il-lasti għolla l-mira. 

Fuq in-naħa l-oħra kien Marquinhos li mblokka fil-ħin lil Julian Brandt li seta’ jagħmel xi forma ta’ ħsara.

Sport