Meta ntlagħab it-tieni programm tal-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, Lazio u Paris St-Germain irreġistraw rebħa meta għelbu lil Bayern Munich u lil Real Sociedad rispettivament.
Lazio ………………….. 1
Bayern Munich……… 0
Lazio ospitaw lil Bayern Munich u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 biex dawn tal-aħħar komplew għaddejin bis-sensiela negattiva, bil-pressjoni fuq il-coach, Thomas Tuchel, qed tikber, tant, li jista’ jitkeċċa.
Wara taqsima mingħajr goals, il-Bavarjani kienu territorjalment aħjar fejn Lazio adattaw it-tattika ta’ konteniment billi għalqu l-ispazji kollha.
Madankollu, fid-69 minuta, kienu Lazio li fetħu l-iskor meta ngħataw penalty għal foul ta’ Dayot Upamecano fuq Gustav Isaksen bid-difensur ta’ Bayern jintwera l-karta l- ħamra.
Mill-11-il metru, Ciro Immobile xeħet lil Manuel Neuer fuq in-naħa l-ħażina.
Paris St-Germain…. 2
Real Sociedad……… 0
Paris St-Germain laqgħu lil Real Sociedad u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0.
L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata, madankollu l-aħjar ċans wasal mill-Ispanjoli fil-ħin miżjud iżda Mikel Merino ġie mċaħħad mill-mimduda.
Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Paris St-Germain ħarġu fuq l-offensiva u fil-50 minuta Kylian Mbappe sab lill-goalkeeper, Alex Remiro, attent.
Iżda tmien minuti wara, il-goalkeeper Spanjol ma seta’ jagħmel xejn meta minn azzjoni ta’ corner, Marquinhos niżżel lejn Mbappe li spara xutt għal ġos-saqaf tax-xibka.
Fl-64 minuta, Mbappe resaq viċin li jirdoppja iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn Remiro megħjun mill-mimduda.
Fis-70 minuta, Bradley Barcola b’xutt fil-baxx aċċerta r-rebħa għall-Franċiżi.
Il-Franċiżi baqgħu jippressaw biex jiskorjaw it-tielet goal iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx.