Wednesday, July 24, 2024

UCL: Vantaġġ għal PSG u Lazio … Bayern M. fi krizi

Aqra wkoll

Meta ntlagħab it-tieni programm tal-ewwel leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Champions League, Lazio u Paris St-Germain irreġistraw rebħa meta għelbu lil Bayern Munich u lil Real Sociedad rispettivament.

Lazio ………………….. 1

Bayern Munich……… 0

Lazio ospitaw lil Ba­yern Munich u rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 biex dawn tal-aħħar komplew għaddejin bis-sensiela negattiva, bil-pressjoni fuq il-coach, Thomas Tuchel, qed tikber, tant, li jista’ jitkeċċa.

Wara taqsima mingħajr goals, il-Bavar­jani kienu territorjalment aħjar fejn Lazio adattaw it-tattika ta’ konteniment billi għalqu l-ispazji kollha.

Madankollu, fid-69 mi­nu­ta, kienu La­zio li fetħu l-iskor meta ngħataw penalty għal foul ta’ Dayot Upamecano fuq Gustav Isaksen bid-difensur ta’ Bayern jintwera l-karta l- ħamra.

Mill-11-il metru, Ciro Immobile xeħet lil Manuel Neuer fuq in-naħa l-ħażina. 

Paris St-Germain…. 2

Real Sociedad……… 0

Paris St-Germain laqgħu lil Real Sociedad u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0.

L-ewwel taqsima kie­net waħda bilanċjata,  ma­dankollu l-aħjar ċans wasal mill-Ispanjoli fil-ħin miżjud iżda Mikel Merino ġie mċaħħad mill-mimduda.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Paris St-Germain ħar­ġu fuq l-offensiva u fil-50 minuta Kylian Mbappe sab lill-goalkeeper, Alex Re­mi­ro, attent.

Iżda tmien minuti wara, il-goalkeeper Spanjol ma seta’ jagħmel xejn meta minn azzjoni ta’ corner, Marquinhos niżżel lejn Mbappe li spara xutt għal ġos-saqaf tax-xibka.

Fl-64 minuta, Mbappe resaq viċin li jirdoppja iżda x-xutt tiegħu ġie salvat minn Remiro megħjun mill-mimduda.

Fis-70 minuta, Bradley Barcola b’xutt fil-baxx aċċerta r-rebħa għall-Franċiżi.

Il-Franċiżi baqgħu jippressaw biex jiskorjaw it-tielet goal iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx. 

Ekonomija

Sport