Wednesday, July 24, 2024

UCL L-Aħħar 16: Żewġ partiti miftuħin beraħ

Aqra wkoll

Wara li l-ġimgħa li għaddiet intlagħab l-ewwel programm tat-tieni leg tal-Aħħar 16 tal-UEFA Cham­pions League fejn ikkwalifikaw l-ewwel erba’ timijiet għall-kwarti-finali li huma  Bayern Munich, Manchester City, Paris St-Germain u Real Madrid, bejn illum u għada se jintlagħab it-tieni sett ta’ partiti biex ikun komplet il-kwadru tal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetiz­zjoni tant prestiġjuża. 

Dawn l-erba’ logħbiet huma mill-aktar interessanti u mistennija jibqgħu indeċiżi sal-aħħar.

Il-logħbiet kollha jibdew fid-9.00 pm filwaqt li r-riżultati fil-parentesi huma tal-ewwel leg. F’każ li sad-90 minuta l-partiti jintemmu bl-istess skor għan-naħat opposti, jingħata l-ħin barrani kif ukoll il-penalties jekk fl-aħħar nofs siegħa l-iskor jibqa’ ma jinbidilx.

ARSENAL v FC PORTO (0-1)

Arsenal jilqgħu lil Porto fejn iridu jirkupraw żvantaġġ ta’ goal hekk kif f’Estadio do Dragao kienu ħarġu telliefa bl-iskor ta’ 1-0, bil-goal jiġi skorjat minn Wenderson Galeno proprju fl-94 minuta.

Il-coach ta’ Arsenal, Mikel Arteta, kien ferm diżappuntat wara din it-telfa u jinsab ukoll konxju li l-players tiegħu jridu jkunu fl-aqwa forma possibbli biex jinfdu u jegħlbu lid-difiża “stinata” tal-Portugiżi li huma wkoll veloċi fil-kontrattakki tagħhom.

Peró, il-Gunners jinżlu għal dan il-konfront b’mo­ral għoli  hekk kif fi tmiem il-ġimgħa li għadda, telgħu fil-quċċata tal-klassifika b’diffe­renza ta’ goals aħjar minn Liverpool meta jinsabu bl-istess ammont ta’ punti.

Filwaqt li huma għelbu lil Brentford bl-iskor ta’ 2-1, Liverpool sfaw miżmuma f’darhom minn Manchester City bl-iskor ta’ 1-1.

Min-naħa ta’ Porto, dawn jinsabu fit-tielet post tal-kampjonat domestiku, seba’ punti taħt il-leaders Sporting Lisbon u ftit jidher li hemm ċans li jistgħu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu … iżda posthom fil-UEFA Champions League sar ċens perpetwu.

Iż-żewġ timijiet għandhom bosta players imweġġgħin –  David Raya, Gabriel Martinelli, Ta­kehiro Tomiyasu u Jurrien Timber għal Arsenal u  Zaidu Sanusi, Mehdi Taremi, Ivan Marcano u Gabriel Veron għal Porto.

BARCELONA v NAPOLI (1-1)

Dan huwa konfront bejn żewġ timijiet li ddiżappuntaw fil-kampjonat domestiku wara li fl-istaġun li għadda ġew inkurunati champions.

Filwaqt li Barcelona jinsabu fit-tielet fost, Napoli niżlu fis-seba’ pożizzjoni. U filwaqt li l-coach tat-team Katalan, Xavi Hernandez, ħabbar li se jirriżenja fi tmiem l-istaġun, il-Partenopei biddlu l-coach tliet darbiet biex issa huma mmexxija minn Francesco Calzona.

Il-partita ta’ għada hija miftuħa għal kull riżultat wara li fl-ewwel leg temmew fi draw ta’ 1-1. Kien Robert Lewandowski li fetaħ l-iskor iżda Victor Osimhen fetaħ tamiet ġodda għan-Nap­litani.

Raphinha, Frenkie de Jong, Pedri, Ferran Torres, Alex Balde u Marcos Alonso huma neqsin għal Barcelona filwaqt li Jens Cajuste u Cyril Ngonge se jkunu barra għal Napoli. 

Ekonomija

Sport