MARSAXLOKK……….. 0
FC PYUNIK…………… 3
Minn Cristian Muscat
F’partita mill-ewwel leg tal-ewwel round tal-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Conference League li ntlagħbet fis-Centenray Stadium, Marsaxlokk sfaw megħluba mill-Armeni ta’ FC Pyunik bl-iskor ta’ 3-0, biex fil-veritá t-tamiet tax-Xlukkajrili jħaddu għar-round sussegwenti huma kważi mitmuma għal kollox.
Għal Marsaxlokk għamlu d-debutt uffiċjali taghom tlieta mill-erba’ akkwisti li għamlu matul dan is-sajf, hekk kif l-Ukren Oleksiy Bejkov, il-Brażiljan Matheus Silva u ż-żagħżugħ Lucas Caruana ġew utilizzati bħala sostituti.
Kien fis-26 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota, min-naħa ta’ Pyunik meta Mikhail Kovalenko deher li seta’ javvanza waħdu iżda l-goalkeeper ta’ Marsaxlokk, Christoffer Mafoumbi, ħareġ minn postu biex interċetta kull periklu.
Marsaxlokk wieġbu fis-37 minuta meta Redon Mihana indirizza cross-hot iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun.
Iżda żewġ minuti biss wara, Pyunik rebħu penalty meta l-captain ta’ Marsaxlokk, Juan Carlos Corbalan, għalkemm għamel kuntatt mal-ballun, deher li ħa saqajn ukoll l-avversarju, Daniil Kulikov. Mill-11-il metru, MOMO YANSANE permezz ta’ konklużjoni ferm angolata tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, b’Mafoumbi jmur fid-direzzjoni tal-ballun iżda ma seta’ jagħmel xejn.
Fil-51 minuta, l-Armeni rduppjaw meta ARTAK DASHYAN għeleb lil Mafoumbi b’xutt fil-baxx wara li rċieva mingħand Yansane.
Seba’ minuti wara, Marsaxlokk għamlu reazzjoni iżda Joseph Minala falla l- mira.
Fis-66 minuta, l-affarijiet għax-Xlukkajri saru aktar diffiċli hekk kif Pyunik skorjaw it-tielet goal meta s-sostitut Iasonas Pikis kellu x-xutt tiegħu salvat parzjalment u mir-rebound MIKHAIL KOVALENKO mill-viċin ma żbaljax.
Pyunik komplew jiddominaw u żewġ minuti wara, ix-xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Sead Islamovic għadda ftit għoli. U fis-76 minuta kienu sfortunati meta l-konklużjoni mill-viċin ta’ Artak Dashyan ġiet salvat minn Mafoumbi, megħjun mil-lasta, b’Marsaxlokk jeħilsuha ħafif.
Marsaxlokk tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw goal ta’ konsolazzjoni fit-88 minuta meta Jorge Ailton Soares avvanza tajjeb fil-kaxxa, iżda laqat il-ballun ħażin u mill-viċin tefa’ għoli.
Pyunik wieġbu minuta biss wara meta s-sostitut Robert Darbinyan żmarka ruħu u niżżel il-ballun tajjeb iżda kellu x-xutt finali tiegħu li ntemm ftit barra.
U fl-aħħar mumenti tal-partita, konklużjoni akrobatika tad-debuttant Matheus Silva minn taħt il-lasta, ġiet imdawra f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Pyunik, Henri Avagyan, biex salva goal ċert.
Finalment, Pyunik komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Marsaxlokk: Christoffer Mafoumbi, Weder Soares Silva, Joseph Minala, Oualid El Hasni, Juan Carlos Corbalan, Redon Mihana (Nikolai Muscat 54), Domantas Simkus (Lucas Caruana 66), Isaac-Christie Davies (Jose Ulises Arias 54), Leandro Aguirre (Oleksiy Bykov 23), Rasmus Linden (Matheus Silva 54), Jorge Ailton Soares – Coach: Vincenzo Potenza
FC Pyunikk: Henri Avagyan, Sead Islamovic (Erik Simonyan 83), Serhiy Vakulenko, Filipe Almeida, Hovhannes Harutyunyan (Edgar Malakyan 62), Mikhail Kovalenko (Robert Darbinyan 69), Nikos Kenourgios, Karlen Hovhannisyan (Gevorg Tarakhchyan 70), Artak Dashyan, Momo Yansane (Iasonas Pikis 62), Daniil Kulikov – Coach: Artak Oseyan
Referee: Milos Gigovic (Bosnja)
assistenti: Amir Kadic, Damir Lazic (Bosnja)
Raba’ Uff.: Amin Efendic (Bosnja)
Skorers: M. Yansane 41 pen, A. Dashyan 51, M. Kovalenko 65 (P)
Ammoniti: J. C. Corbalan, N. Muscat (M)









