Il-Ġermanja saħħet it-tamiet tagħha li tikkwalifika għall-kwarti tal-finali tal-UEFA Nations League wara rebħa ta’ 3-1 fuq is-Serbja f’Belgrad.
Il-Ġermaniżi fetħu l-iskor fit-tielet minuta meta Srdan Babic, f’tentattiv li jinterċetta daqqa ta’ ras ta’ Kai Havertz, tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Fl-14-il minuta, Florian Wirtz irdoppja l-vantaġġ wara li l-goalkeeper Vanja Milinkovic-Savic salva x-xutt inizjali ta’ Havertz.
Id-debuttant Brajan Gruda għamilhom 3-0 fil-bidu tat-tieni taqsima wara azzjoni individwali mill-isbaħ.
Babic naqqas id-distakk fis-56 minuta, iżda s-Serbja ma rnexxilhiex tevita t-telfa.
Is-Serbja temmet il-partita b’disa’ plejers wara żewġ tkeċċijiet lejn it-tmiem ta’ Vanja Dragojevic (76) u Andrija Zivkovic (89).





