Fl-istess żmien li kien qiegħed jaħdem bħala espert fl-inkjesta dwar l-isptarijiet, Sam Sittlington beda jħallas liż-żewġ uliedu, li kienu studenti Universitarji, wara li għamilhom Segretarji tal-kumpanija tiegħu.
Sittlington, espert Irlandiż imqabbad mill-Maġistrat Gabriella Vella, waqqaf il-kumpanija tiegħu Fraud Management Services (UK) Ltd f’Settembru 2009 biex f’Novembru 2013 biddlilha isimha għal The Fraud Company Limited. Huwa inħatar bħala espert tal-Qorti fl-inkjesta tal-isptarijiet fit-2 ta’ Settembru 2020. IT-TORĊA hi infurmata li kważi sentejn wara għamel taqliba sinjifikanti ħafna fl-uffiċjali tal-kumpanija tiegħu.
Sittlington ħatar lil martu Elaine bħala direttur flimkien miegħu. Huwa ma baqax Segretarju tal-kumpanija u minfloku ħatar liż-żewġ uliedu Ryan u Scott. F’dan iż-żmien huma kienu qegħdin jistudjaw. Bejn l-2020 u l-2023, Ryan Sittlington kien qiegħed jistudja l-inġinerija mekkanika f’Budapest University of Technology and Economics. Ibnu l-ieħor Scott Sittington, bejn l-2019 u l-2023 kien qiegħed jistudja l-inġinerija industrijali fl-Università ta’ Ulster fl-Irlanda ta’ Fuq.
Mhux magħruf għaliex kumpanija żgħira bħal ma kienet dik ta’ Sittlington kellha bżonn żewġ Segretarji. Lanqas mhu magħruf x’tip ta’ xogħol għamlu għall-kumpanija. Wieħed mit-tfal ma setax għamel wisq għax kien barra l-pajjiż. Huwa kkonfermat iżda li Sam Sittlington kien espert tal-Qorti Maltija fl-inkjesta dwar l-isptarijiet. Mal-ħatra tat-tfal tiegħu bħala Segretarji fil-kumpanija tiegħu, l-espert Irlandiz żied b’mod sinifikanti n-numru ta’ siegħat li kien qiegħed jrrapporta li kien qiegħed jaħdem.