It-team Malti ta’ Taħt il-21 sena, it-Tlieta jilgħab it-tieni partita minn Grupp B tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjoant Ewropew meta f’Tony Bezzina Stadium jaffrontaw lill-Ungerija.
Iż-żgħażagħ Maltin ġejjin minn telfa diffiċli ta’ 6-0 kontra Spanja f’logħba li kienet karatterizzata minn dominju assolut tal-avversarji sabiex ħadu dak li riedu meta skorjaw tliet goals f’kull taqsima.
Fuq kollox dan kien id-debutt tan-nar għall-coach, Ivan Woods, li ħa post Francesco Macri fir-responsabbiltá ta’ dan it-team.
F’din il-logħba, Woods utilizza lil bosta players mit-team ta’ Taħt id-19-il sena li mpressjonaw fit-tournament finali tal-Kampjonat Ewropew li sar f’pajjiżna, f’Lulju li għadda.
Anke jekk forsi kellhom debutt mill-aktar diffiċli, dawn ċertament għenu biex jieħdu l-esperjenza neċessarja għal-logħbiet internazzjonali futuri tagħhom.
L-avversarji tal-Maltin huma l-Ungerija li fl-ewwel ħarġa tagħhom għelbu lil Kazakstan 2-0 b’goals li waslu permezz ta’ Martin Kovacs (10) u Alan Eordogh (89). Kienet rebħa komda li tathom ukoll l-ewwel tliet punti ta’ din il-kompetizzjoni.
It-team Ungeriż huwa mmexxi minn Zoltan Gera li żgur ma għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fil-football Ewropew. Hu kien player ferm rinomat fejn fost clubs oħra, huwa laħaq il-qofol tal-karriera tiegħu ma’ West Brom u Fulham fil-Premier League Ingliż. Dan minbarra li lagħab 97 partita għat-team nazzjonali li fihom skorja 26 goal.
L-għan tiegħu huwa li jipprepara lill-players ta’ dan il-livell għat-team nazzjonali tal-kbar. Player li l-Maltin iridu joqogħdu attenti minnu huwa l-captain Botond Balogh li għandu kapaċitajiet straordinarji.
Woods m’għandu l-ebda problemi ta’ players neqsin fejn mistenni li jagħmel xi bidliet biex isaħħaħ nofs il-ground.
Il-logħba tibda fis-5.45 pm.