Wednesday, July 24, 2024

Euro 2024: Partita delikata għal Malta kontra l-Maċedonja li ġejjin minn draw kontra l-Italja

Aqra wkoll

It-team nazzjonali Malti, immexxi mill-coach Taljan, Michele Marcolini,  it-Tlieta jilgħab il-ħames partita tiegħu minn Grupp C valida mir-round ta’ kwalifikaz­zjoni tal-Euro 2024 liema fażi finali se tintlagħab fil-Ġermanja … bl-avversarji jkunu l-Maċedonja. 

Dan se jkun it-tieni konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet meta seba’ xhur ilu, eżattament fit-23 ta’ Marzu, 2023, iltaqgħu fin-National Arena Tose Proeski, fi Skopje, bl-avversarji joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1.  

F’din il-partita, wara taqsima mingħajr goals kienu Elif Elmas (66) u Darko Chur­linov (72) li fetħu vantaġġ doppju iżda l-Maltin naqqsu l-marġni tal-iskor minn Yannick Yankam (85) li kien qed jagħmel id-debutt bil-flokk nazzjonali wara li fis-77 minuta daħal bħala sostitut fil-post ta’ Bjorn Kristensen.

Interessanti huwa l-fatt ukoll li f’din il-partita, kien qed jagħmel ukoll id-debutt Marcolini li sar il-25 coach fl-istorja tat-team nazzjonali Malti. 

Minn dak in-nhar huwa mexxa lit-team f’sitt partiti bir-rekord jaqra ta’ żewġ reb­ħiet u erba’ telfiet bir-riżultati negattivi kollha jaslu fil-Euro 2024 … kontra l-Italja (2-0), l-Ingilterra (4-0) u l-Ukrajna (1-0). 

F’dan it-tournament, s’issa huwa utilizza 24 player minn 13-il team differenti.

L-istess Marcolini ndirizza konferenza stampa fejn stqarr li l-Maltin jinsabu fi grupp mill-aktar diffiċli: “Huwa diffiċli ħafna li ssib l-iktar team dgħajjef fil-grupp. Peró jekk aħna l-aktar team sottovalutat, din l-idea tista’ twassal għal riżultat mhux mistenni. U dak huwa proprju l-għan tagħna.

Huwa rrikonoxxa li l-Maċedonja għaddew minn diffikultajiet wara t-telfa umiljanti ta’ 7-0 kontra l-Ingilterra. Madankollu, huwa enfasizza li wrew reżiljenza u titjib.

“Anke individwalment, huma aħjar u  għandhom kwalità u saħħa,” sostna Marcolini fejn enfasizza wkoll li rridu nirriko­noxxu l-potenzjal tagħhom. 

Il-coach ta’ Malta tkellem ukoll dwar l-impenn tat-team għal-logħob kompetittiv. “Dejjem nippruvaw noħolqu l-problemi, u ħlief fil-logħba kontra l-Ingilterra, dej­jem għamilna l-almu tagħna u dejjem nimmiraw li niksbu riżultati pożittivi.”

Huwa semma l-partita riċenti ta’ Malta kontra Ġibiltà hekk kif lgħabna tajjeb, gawdejna mill-pussess tal-ballun, ħloqna l-offensiva u kellna bosta ċansijiet ta’ skor. 

Marcolini tkellem dwar il-kapaċità tat-timijiet li jadattaw u jegħlbu l-isfidi, speċjalment minħabba ċ-ċirkostanzi uniċi tal-logħbiet internazzjonali. 

Huwa tenna wkoll li sejrin għal din il-partita mingħajr ma għadu beda l-kampjonat tagħna iżda faħħar ir-reżiljenza tat-team tiegħu fil-logħba kontra Ġibiltá li serviet bħala preparazzjoni għal-logħba diffiċli tal-lum.  

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll id-difensur Zach Muscat li sostna li minkejja li bosta players jilagħbu barra l-pajjiż, xorta jibqgħu kuntatt kontinwu u dan il-fatt jgħin biex fil-ground jinżlu bħala familja u jilagħbu kollettivament.  

Intant, għall-partita tal-lum il-Maltin jinżlu b’moral għoli hekk kif ġejjin minn rebħa ta’ 1-0 li rreġistraw fil-partita ta’ ħbiberija kontra Ġibiltá, fl-Istadium Naz­zjonali, nhar l-Erbgħa li għadda. 

L-uniku goal wasal fit-58 minuta minn Joseph Mbong li kkontrolla b’sidru qabel ma fajjar kanunata minn tarf il-kaxxa l-kbira … verament Euro-Goal!

Min-naħa tal-Maċedonja, dawn ukoll jinsabu f’burdata kufidenti hekk kif ġejjin minn draw ta’ 1-1 kontra l-Italja. 

Jidher li huma l-bogey team tat-Taljani hekk kif sentejn ilu eliminawhom fil-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja meta fis-semi-finali tal-play-off għelbuhom bl-iskor ta’ 1-0 bil-goal jasal fil-ħin miżjud minn Aleksandar Trajkovski. Iżda mbagħad tilfu fil-finali kontra l-Portugall bl-iskor ta’ 2-0. 

Bħalissa l-Maċedonja jinsabu fil-65 post tar-rankings tal-FIFA u huma mmexxija mill-coach Blagoja Milevski, 51 sena. 

L-iktar player li għandu esperjenza huwa Trajkovski li b’kollox lagħab 81 logħba għal pajjiżu u li bħalissa qed jilgħab fl-Arabja Sawdija ma’ Al Fahya.  

S’issa fil-Euro 2024, il-Maċedoni lagħbu erba’ partiti li jinkludu wkoll iż-żewġ telfiet kontra l-Urkajna (3-2) u l-Ingilterra (7-0). 

Dan se jkun it-tmien konfront bejn Malta u l-Maċedonja. Fis-seba’ logħbiet preċedenti sofrejna sitt telfiet bl-oħra tispiċċa fi draw ta’ 1-1. 

Il-partita tibda fid-8.45 pm. 

Ekonomija

Sport