Il-coach tat-tim nazzjonali Malti, Emilio De Leo, ħabbar skwadra ta’ 28 player għall-impenji internazzjonali li ġejjin matul ix-xahar ta’ Novembru. Malta se taffronta lil Eswatini f’partita ta’ ħbiberija internazzjonali fin-National Stadium, qabel tilgħab kontra Ġibiltà fl-aħħar partita deċiżiva tagħha mill-kampanja tal-UEFA Nations League 2026/27.
Bħalissa Malta tinsab fil-quċċata ta’ Grupp D1 b’seba’ punti minn tliet logħbiet, segwita minn Ġibiltà b’żewġ punti minn żewġ partiti, filwaqt li Andorra tinsab fit-tielet post b’punt wieħed minn tliet logħbiet.
Inkoraġġiti mill-wirjiet u r-riżultati pożittivi miksuba matul l-aħħar waqfa internazzjonali, it-team nazzjonali Malti se jtemm il-kampanja tiegħu tal-UEFA Nations League b’konfront kruċjali kontra Ġibiltà fil-Europa Point Stadium, nhar it-Tnejn 16 ta’ Novembru, fid-8.45 pm.
Bħala parti mit-tħejjijiet għal din il-partita, Malta se tilgħab kontra Eswatini fin-National Stadium, nhar il-Ħamis 12 ta’ Novembru, fis-6.30 pm.
Fost l-aktar ismijiet li jispikkaw fl-iskwadra ta’ 28 player magħżula minn De Leo hemm Dylan Ciappara ta’ Balzan, li rċieva l-ewwel sejħa tiegħu mat-team nazzjonali tal-kbar.
Id-duo ta’ Valletta, Mattias Ellul u Yannick Yankam, ukoll jinsabu fl-għażla, filwaqt li Stephen Pisani ta’ Sliema Wanderers irritorna fl-iskwadra wara assenza twila.
Id-difensur ta’ Sliema Wanderers, Jean Borg, mhux se jkun disponibbli hekk kif għadu qed jirkupra minn operazzjoni, filwaqt li sieħbu Alexander Satariano mhux se jkun jista’ jilgħab fil-partita tal-UEFA Nations League kontra Ġibiltà minħabba li jrid jiskonta sospensjoni ta’ partita waħda.
Matul il-perjodu internazzjonali estiż ta’ Settembru u Ottubru, Malta kisbet żewġ rebħiet kontra Andorra, bl-iskor ta’ 2-1 u 1-0, kif ukoll draw ta’ 1-1 f’darna kontra Ġibiltà fi Grupp D1. Dawn ir-riżultati poġġew lit-team nazzjonali f’pożizzjoni favorevoli biex itemm il-grupp fl-ewwel post.
Matul dan il-perjodu, il-coach De Leo mexxa wkoll lil Malta għal rebħa ta’ 2-0 f’partita ta’ ħbiberija kontra Liechtenstein.
L-iskwadra ta’ 28 player magħżula minn De Leo hija:
Goalkeepers: Henry Bonello (Sliema Wanderers), Rashed Al Tumi (Birkirkara), Dylan Ciappara (Balzan), James Sissons (Chesterfield FC – Ingilterra).
Difensuri: Zach Muscat (Birkirkara), Juan Carlos Corbalan (Marsaxlokk), Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans), Kurt Shaw (Hibernians), Enrico Pepe (Marsaxlokk), Mattias Ellul (Valletta), Gabriel Mentz (Gżira United), Carlo Zammit Lonardelli (Floriana), Myles Beerman (Floriana).
Midfielders: Matthew Guillaumier (Ħamrun Spartans), Brandon Diego Paiber (Valletta), Alexander Satariano* (Sliema Wanderers), Jake Azzopardi (Valletta), Teddy Teuma (Sliema Wanderers), Stephen Pisani (Sliema Wanderers), Yannick Yankam (Valletta).
Attakkanti: Joseph E. Mbong (Hibernians), Paul Mbong (Floriana), Ilyas Chouaref (Sion FC – Żvizzera), Irvin Cardona (AS Saint-Étienne – Franza), Basil Tuma (Aldershot Town – Ingilterra), Kevin Cannavò (La Spezia Calcio – Italja), Keyon Ewurum (Valletta), Andrea Zammit (Valletta).
*Alexander Satariano se jkun sospiż għall-partita kontra Ġibiltà.




