Sunday, December 22, 2024

UNL: L-Olanda b’ċans tajjeb li jikkwalifikaw għas-semi-finali

Aqra wkoll

Meta mill-Ħamis sa nhar it-Tlieta li ġej bdew jintlagħbu l-aħħar partiti tal-UEFA Nations League biex jiġu deċiżi s-semi-finalisti, il-promozzjonijiet u r-relegazzjonijiet.

LEAGUE A

Fi Grupp A4, l-Olanda għamlu pass kbir lejn is-semi-finali meta barra minn darhom għelbu lill-Polonja bl-iskor ta’ 2-0, bil-protagonisti jkunu Cody Gakpo (14) u Steven Bergwijn (60).

Belġju laqgħu lil Wales u rebħu­lhom bl-iskor ta’ 2-1. Huma daħlu jistrieħu b’żewġ goals minn Kevin de Bruyne (11) u Michy Batshuayi (38) filwaqt li Kieffer Moore (50) reġa’ daħħal lil Wales fil-partita.

Fi Grupp A1, il-Kroazja qabżu lid-Danimarka fl-ewwel post meta rebħulhom bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu minn Borna Sosa (49) u Lovro Majer (79) filwaqt li Christian Eriksen (77) kiseb id-draw momentarju għad-Daniżi.

Franza għamlu pass tajjeb li ma jiġux relegati meta kellhom jitħabtu biex għelbu lill-Awstrija bl-iskor ta’ 2-0 biex issa huma dawn tal-aħħar fil-periklu. Iż-żewġ goals ġew skorjati minn Kylian Mbappe (56) u Olivier Giroud (65).

LEAGUE B

F’partita li ntlagħbet nhar l-Erbgħa li għadda, l-Iskozja għelbu lill-Ukrajna bl-iskor ta’ 3-0.

Wara taqsima mingħajr goals, din ir-rebħa mmaturat fl-aħħar 20 minuta b’goals minn John McGinn (70) u doppjetta ta’ Lyndon Dykes (80, 87).

LEAGUE C

Il-Kazakhstan kisbu l-promozzjo­ni għal-League B meta ospitaw lil Belarus u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals jaslu minn Mikhail Gabyshev (29) u Baktiyor Zainutdinov (79) filwaqt li Pavel Savitskiy (45) kiseb id-draw momentarju għat-telliefa. Il-Kazakhstan kellhom lil Askhat Ta­gy­bergen (92) imkeċċi.

Il-Litwanja u l-Faroe Islands temmew fi draw ta’ 1-1. Kien Jakup Andreasen (22) li fetaħ l-iskor għall-viżitaturi iżda Vykintas Slivka (44) kiseb id-draw għal-Litwani.

L-Azerbaijan għelbu lis-Slovakkja 2-1 b’goals minn Renat Dadashov (44) u Hojjat Haghverdi (94) filwaqt li Erik Jirka (92 pen) wieġeb għas-Slovakki.

It-Turkija laqgħu lil Lussemburgu u spiċċaw fi draw ta’ 3-3, dawn tal-aħħar dejjem ikunu fil-vantaġġ.

Il-goals tal-Lussemburgu waslu minn Marvin Martins (9), Danel Sinani (37) u Gerson Rodrigues (69) filwaqt li t-Torok sabu x-xibka minn penalty ta’ Cengiz Under (16) u minn auto-goal ta’ Maxime Chanot (39) u Ismail Yuksek (87). 

LEAGUE D

Barra minn darhom, il-Moldova għelbu lil Latvja bl-iskor ta’ 2-1. Huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals minn Ioan Revenco (26) u Ion Nicolaescu (45) filwaqt li Janis Ikaunieks (55) wieġeb għat-team ospitu.

Andorra marru Liechtenstein u rreġistraw rebħa storika bl-iskor ta’ 2-0, bl-eroj ikunu Albert Rosas (4) u Joan Cervos (81).

Ekonomija

Sport