Kif kien mistenni, Valletta FC ikkonfermaw l-istaff tekniku kollu tagħhom għall-istaġun li ġej, b’Thane Micallef se jkompli jmexxi lit-tim bħala kowċ wara x-xogħol pożittiv li wettaq matul l-aħħar xhur fosthom ir-rebħ tal-Jubilee Cup u l-FA Trophy.
Il-klabb mill-kapitali ħabbar li Micallef se jibqa’ jgawdi l-fiduċja tal-amministrazzjoni, hekk kif Valletta qed ifittxu li jkomplu jibnu fuq il-pedamenti li tqiegħdu fl-aħħar staġun u jkomplu jsaħħu l-proġett sportiv tagħhom.
Flimkien ma’ Micallef, ġew kkonfermati wkoll l-assistenti Warren Said u Matthew Psaila flimkien mal-kowċ tal-goalkeepers Romeo Schembri, li kollha kemm huma se jżommu r-rwoli tagħhom fi ħdan l-istaff tekniku.
Din il-kontinwità hija meqjusa bħala pass importanti għal Valletta FC, bil-klabb jagħżel li jżomm struttura teknika stabbli sabiex ikompli jaħdem fuq l-iżvilupp tat-tim u l-objettivi tiegħu għall-istaġun il-ġdid.
Il-konferma tal-istaff tekniku kienet mistennija minn ħafna partitarji tal-Beltin, hekk kif il-klabb issa jista’ jiffoka bis-sħiħ fuq il-preparamenti tal-iskwadra u l-ippjanar għall-kampanja li ġejja.



