Saturday, June 22, 2024

Veterani: Gżira United u Luxol b’punti massimi

Aqra wkoll

Gżira United u Luxol żammew il-bidu konsistenti tagħhom fil-VMFA Cisk Premier League meta rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom b’ċertu faċilita’.

Luxol irreġistraw rebħa kbira ta’ 5-0 kontra Żurrieq Wolves.

Michael Borg Olivier, Mauro Camoranesi, Michael Galea, Luke Satariano u Paul Murphy kienu l-iskorers ta’ Luxol.

Anke Gżira United Veterans kellhom skor kbir ta’ 10-3 kontra Birkirkara St Helen’s f’logħba li huma ddominaw.

Ian Zammit kellu wirja mill-aqwa għal Maroons meta skorja erba’ gowls b’Alex Muscat ikompli bil-vena tajba tiegħu hekk kif skorja hat-trick. Jamie Pace, Jonathan Pearson u Dino Cachia żiedu l-iskor għal Gżira.

Joseph Chetcuti, Firas Aboulezz u Kevin Sammut skorjaw it-tliet gowls ta’ Birkirkara St Helen’s.

Iċ-champions MFPA ġew miżmuma fi draw ta’ 4-4 minn Rabat Veterans. Dawn tal-aħħar kellhom wirja ferm aħjar mill-ewwel logħba li tilfu kontra Birkirkara.

Aleksandar Ribic skorja hat-trick għal MFPA bi Branko Nisevic li wkoll sab ix-xibka.

Rabat Veterans irrispondew b’doppjetta ta’ Adam Smeir b’Timothy Zammit u Dylan Falzon li wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Hibernians kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara skor ta’ 4-2 kontra Żejtun Red Stars.

Kif jindika l-iskor, kienet logħba ferm movimentata biż-żewġ naħat li bdew jalternaw fil-vantaġġ tagħhom għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Pawlisti li ħarġu bit-tliet punti finali.

Leandros Calleja kien ta’ ispirazzjoni għal Hibernians meta skorja tliet gowls b’Mauro Brincat iżid ieħor għat-tim tiegħu.

Pierre Spiteri u David Camilleri kienu l-iskorers għaż-Żwieten.

KLASSIFIKA – VMFA CISK Premier League

Gżira United, Luxol 6, MFPA 4, Birkirkara St Helen’s, Hibernians 3, Rabat 1, Żejtun Red Stars, Żurrieq Wolves 0

Ekonomija

Sport