Iċ-champions tal-VMFA Cisk Premier League MFPA u Floriana żammew il-punti massimi wara tliet ħarġiet hekk kif rebħu l-logħbiet rispettivi tagħhom.
MFPA kellhom rebħa tajba ta’ 5-1 kontra Hibernians.
Michael Galea u Garrett Sciberras skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Mark Barbara żied ieħor għat-tim tiegħu. Luke Satariano naqqas il-marġni tal-iskor għall-Pawlisti.
Floriana rebħu l-battalja kontra Birkirkara St Helen’s 6-4.
Kienet logħba ferm eċitanti u inċerta sal-aħħar għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Greens li ħadu t-tliet punti finali.
Protagonista għal Floriana kien Malcolm Licari li fid-debutt tiegħu skorja hat-trick bi Glenn Bonello jiskorja doppjetta u bi Christian Cassar jgħaqqad l-iskor għat-tim tiegħu.
Doppjetta ta’ Firas Aboulezz u gowls ta’ Ayrton Buhagiar u Daniel Cremona żammew lill-Istripes fil-logħba.
Gżira United ħadu t-tieni rebħa staġjonali wara li rebħu 4-3 lil Rabat. Kif jindika l-iskor, kienet logħba viċin xulxin bil-Gżirjani jkollhom lil Kevin Sammut jiskorja doppjetta b’Arthur Oyama u Jean Pierre Mifsud Triganza li wkoll ikunu fost l-iskorers.
Adam Smeir skorja doppjetta għal Rabat b’Andre Scicluna li wkoll niżżel ismu fost l-iskorers.
Żurrieq Wolves kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Żejtun Red Stars 3-2.
Beppe Muscat, Clarence Thompson u Mario Camilleri kienu l-iskorers għaż-Żrieraq biż-Żwieten li kellhom lil Noel Tabone awtur ta’ doppjetta.
KLASSIFIKA – VMFA Cisk Premier League
MFPA, Floriana 9, Birkirkara St Helen’s, Gżira United 6, Rabat, Żurrieq Wolves 3, Hibernians, Żejtun Red Stars 0.