MFPA, Birkirkara St Helen’s, Hibernians u Rabat kisbu post fis-semifinali tad-David Cluett Memorial Cup wara rebħet tajba li kisbu fil-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Gowl drammatiku ta’ Alexander Marinkovic għen lil MFPA jirbħu lil Żurrieq Wolves 2-1 f’logħba ferm interessanti u bilanċjata.
Minkejja li marru minn fuq il-Malta Football Players Association sabu liż-Żrieraq ferm motivati fejn ma kinitx sorpriża li dawn tal-aħħar ġabu l-iskor indaqs.
Roderick Bajada poġġa lil MFPA minn fuq sabiex Robert Zammit ġab l-iskor indaqs għal Żurrieq Wolves.
Hekk kif il-logħba kienet sejra għall-għoti tal-penalties, wasal il-gowl kiesaħ u biered ta’ Alexander Marinkovic li għeleb lill-goalkeeper avversarju.
Birkirkara St Helen’s kienu t-tieni tim li għamilha għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni wara li għelbu lil Luxol St Andrew’s 9-5.
Iż-żewġ naħat kienu viċin xulxin għal ħafna mill-ħin għalkemm il-Karkariżi ħadu vantaġġ minn xi żbalji difensivi li wittew it-triq għall-gowls tagħhom.
Firas Aboulezz kien il-protagonist għal Birkirkara St Helen’s meta skorja erba’ gowls, Malcolm Bugeja kien awtur ta’ hat-trick filwaqt li Daniel Cremona wettaq doppjetta personali.
Michael Galea skorja hat-trick għal Luxol b’Mauro Camoranesi u Luke Satariano li wkoll sabu x-xibka.
F’logħba ferm akkanita u inċerta sal-aħħar, Hibernians għelbu lill-holders Gżira United 3-2.
Il-Pawlisti kienu qed jitilfu 1-0 sa tmiem l-ewwel taqsima għalkemm fit-tieni taqsima huma wettqu reazzjoni u dawru l-iskor favurihom bil-Maroons li skorjaw gowl ieħor li għamlu l-minuti finali drammatiċi.
Adrian Lanzon, Mauro Brincat u Leandros Calleja skorjaw għall-Pawlisti filwaqt li Valdo Alinho u Christian Cassar żammew it-tamiet tal-Maroons sal-aħħar hekk kif naqqsu l-marġni tal-iskor.
Rabat ingħataw walk-over fuq Żejtun Red Stars wara li dawn tal-aħħar ma ppreżentawx ruħhom għal-logħob.
Is-semifinali tad-David Cluett Memorial Cup jintlagħbu nhar it-Tnejn li ġej fejn MFPA jilagħbu kontra Birkirkara St Helen’s filwaqt li Rabat jaffaċċjaw lil Hibernians.