Wednesday, July 24, 2024

Wayne Pace jirbaħ ir-raba’ tournament ta’ kwalifikazzjoni tal-Blackball

Aqra wkoll

Wayne Pace rebaħ ir-raba’ tournament ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tan-Nazzjonijiet tal-Blackball 2024 meta fil-finali tal-irġiel għeleb lil Scott Muscat 10-6.

Kif mistenni, kienet finali denja bejn żewġ plejers ta’ kalibru kbir. Scott Muscat fetaħ vantaġġ ta’ 4-1 fuq Wayne Pace li minkejja kollox baqa’ konċentrat sabiex mhux biss ġab l-iskor indaqs iżda saħansitra mar 9-4 minn fuq.

Fl-aħħar mumenti, Muscat reġa’ daħal fil-logħba u naqqas il-marġni tal-iskor għalkemm Pace rebaħ l-aħħar frame u eventwalment il-finali.

Fil-finali ta’ taħt it-18-il sena, Steven Muscat għeleb lil Chaylon Castaldi 9-6 filwaqt li f’dik ta’ taħt it-23 sena, kien Matthias Debono li ddomina lil Casdy Vella 9-2.

Sadanittant, Rudolph Gellel rebaħ lil Kevin Schembri 10-7 fil-finali ta’ ‘l fuq minn 40 sena filwaqt li Jason Mangion kiseb suċċess fil-finali Masters 50+ wara rebħa ta’ 10-3 kontra Conrad Catania.

Sadanittant bdew jintgħażlu l-plejers għat-tim nazzjonali Malti skont il-punti li ġabu f’dawn it-turnaments li qed jintlagħbu fejn s’issa Johan Attard (Men’s), Jake Castaldi (under 18), Daniel Vella (under 23), Rudolph Gellel (Seniors 40+) u Jason Mangion (Masters 50+) se jkunu parti mill-kontinġent Malti għal-logħob li se jsir fi Bridlington.

Nhar it-Tnejn li ġej jibda l-ħames tournament ta’ kwalifikazzjoni bil-logħbiet li se jintlagħbu fil-Klabb Aniċi f’Ħal Qormi u fil-Juventus Club Vero Amore f’Birkirkara.

Ekonomija

Sport