Napoli neħħew uffiċjalment lil Victor Osimhen mil-lista tal-iskwadra tagħhom tas-Serie A, u taw ukoll in-numru tal-flokk tiegħu lill-akkwist il-ġdid, Romelu Lukaku, li se jilbes il-flokk numru 9 għal dan l-istaġun.
It-tneħħija tan-Niġerjan internazzjonali mill-iskwadra waslet wara ġurnata li għalaq is-suq tat-trasferimenti li kienet waħda kaotika għall-Partenopei hekk kif fl-aħħar sigħat kien hemm iċ-ċans li jingħaqad ma’ Chelsea jew inkella ma’ Al-Ahli tas-Sawdi Pro League.
U meta kollox deher li Osimhen kien se jmur jilgħab fl-Arabja Sawdija, il-club ta’ Napoli talab €5 miljun aktar mis-somma li kienu qablu dwarha biex minnufih id-diriġenti Għarab irtiraw mill-mejda tat-taħditiet.
Għaldaqstant, huwa se jibqa’ kkuntrattat mal-club Taljan sas-sajf tal-2026, b’salarju ta’ €12-il miljun fis-sena.
Huwa kien qed jittama li jassigura ċaqliq għal ma’ Al-Ahli fuq kuntratt enormi ta’ erba’ snin li kien se jiswa €40 miljun kull staġun irrappurtat f’pagi, iżda kollox iġġarraf wara li n-Naplitani ħarġu bl-aħħar talba.
Grazzi għal dan l-atteġjament, il-club Għarbi minnufih għamel kuntatt mal-aġent tal-attakkanti internazzjonali Ingliż ta’ Brentford, Ivan Toney, fit-tentattiv li jiffirmawh fi spazju ta’ ftit sigħat.
Ir-relazzjoni bejn Osimhen u d-diriġenza Naplitana kompliet teħżien minħabba li kollox kien antiċipat li l-player ta’ 25 sena kellu jitlaq lill-club iżda issa l-futur tiegħu huma inċert sakemm, f’Jannar li ġej, ma jkunx hemm xi club partikolari jitlob għas-servizzi tiegħu.
F’dawn l-aħħar jiem, Napoli ffirmaw tliet players minn clubs tal-Premier League Ingliż – Romelu Lukaku (Chelsea), Billy Gilmour (Brighton) u Scott McTominay (Manchester United).
Player ieħor li se jkollu jagħmel il-wisgħa huwa d-difensur Portugiż, Mario Rui, li ma ġiex inkluż fl-iskwadra ta’ 25 player.