Victor Vella, l-Editur tat-Torċa għalija hu wieħed mill-aħjar ġurnalisti ta’ Malta. Ir-raġuni hi li qabel ma jġib artiklu hu jinvestiga. Jekk xi ħadd jgħidlu xi ħaġa, hu jġibha wara li jistaqsi fid-dettal għaliex qed jgħid hekk.
Victor Vella dan l-aħħar għamel kampanja sħiħa kontra r-razziżmu li hawn Malta speċjalment kontra l-immigranti li jiġu mill-Afrika. Fost l-artikli li ġab fuq it-Torċa kellu artikli li wrew li dawn l-immigranti mill-Afrika huma nies ukoll. Mhux biss għandhom ġisem bħall-bnedmin l-oħra imma għandhom l-istess emozzjonijiet u interessi. Żgur li waħda mill-emozzjonijiet li jħossu f’Malta hi d-diskriminazzjoni pubblika kontrihom. Min-naħa tal-interessi għandhom ukoll mhux biss l-interess li javvanzaw il-futur tagħhom imma wkoll li jibnu familja.
Ir-riżultat tal-ħidma tiegħu minflok ġabret sapport mill-awtoritajiet pubbliċi u reliġjużi ġabet skiet u ħallewh waħdu jilqa’ l-insulti tar-razziżti li hawn Malta. Biss l-affarijiet ma waqfux hawn għax dan l-aħħar irċieva wkoll theddid.
Jekk ma jiddistingwih xejn mill-ġurnalisti l-oħra, tiddistingwih il-ħidma li għamel u għadu jagħmel kontra r-razziżmu f’Malta. Din hi ħidma li ftit jemmnu fiha u wisq anqas għandhom il-kuraġġ li jagħmluha.
Għalhekk nistenna li l-Istat Malti għandu jagħraf u japprezza din il-ħidma u mhux jibqa’ sieket qiesu ma hawn xejn ħażin.
Il-Paċi saret ħolma
Il-gwerra fl-Ukraina għadha għaddejja u ħadd ma jaf meta ser tieqaf u jekk tespandix. Dan minkejja li kif bdiet u l-pajjiżi tal-UE bdew jipprovdu l-armi lill-Ukraina, l-UE qalulna li din il-gwerra mhix ser tieħu aktar minn ftit xhur. Sadanittant il-gwerra żdiedet u ċ-ċittadini komplew jinqatlu.
Jekk wieħed iħares lejn dak li ġara tara li l-UE m’għamlet xejn li jwassal biex il-ġlied ta’ din il-gwerra jieqaf u li tinstab soluzzjoni bejn l-Ukraina u r-Russja. Għall-ewwel kien il-President Franċiż Macron li kien beda jieħu passi f’din id-direzzjoni imma ma damux biex jagħmlu pressjoni u Franza bdiet timxi mal-oħrajn u ma komplitx tfittex il-paċi.
Is-sorpriża kienet ta’ Erdogan, il-President tat-Turkija. Erdogan mhux persuna popolari fl-UE imma hu kien l-uniku President li ħadem u għadu jaħdem biex din il-gwerra tieqaf. Ftit nisimgħu dwarha din għaliex bħal ma ktibt Erdogan mhux popolari għaliex minkejja li t-Turkija hi fin-NATO u kienet applikat biex tidħol fl-UE, għalih l-ewwel prijorita’ tiegħu dejjem kienet l-interessi ta’ pajjiżu. U għat-Turkija li jikkalma u jibni relazzjonijiet mar-Russja huma importanti. Importanti, u din hi xi ħaġa li l-UE mhux qed tirrealizza, hi li r-Russja, tirbaħ jew titlef il-gwerra, hemm ser tibqa’ sakemm tibqa’ d-dinja.
Li jridu l-mexxejja tal-UE hu li l-gwerra tkompli u li r-Russja titlef il-gwerra biex l-Istati Uniti u huma jibqgħu jiddominaw. Id-dominanza hi karatteristika tal-pajjiżi kbar Ewropej. Qabel kellhom id-dominanza meta għamlu l-pajjiżi l-oħra tad-dinja kolonji, inkluża Malta. Issa mhux biss żammew din it-tip ta’ dominanza billi jespandu l-UE, iżda jridu wkoll dominanza ekonomika. Hu għalhekk li diġa’ qed joħolqu atmosfera kontra ċ-Ċina biex wara li tispiċċa din il-gwerra jaqilgħu oħra fl-Asja kontra ċ-Ċina biex jerġa’ jkollhom dominanza fid-dinja kollha. Fil-fatt l-UE bl-approvazzjoni tal-Kunsill Ewropew, diġa’ bdew jieħdu azzjonijiet biex jikkontrollaw liċ-Ċina. Il-messaġġ li qed jagħtu liċ-Ċina hu li huma fuq il-lista tan-NATO u tal-UE u għalhekk żgur li ser tipprepara ruħha u tiżdied it-tensjoni
Min jaħseb li l-gwerra fl-Ukraina għal ħafna pajjiżi Ewropej hi sfortuna, hu mqarraq. Dan għaliex il-gwerra fl-Ukraina qed tagħti opportunita’ lill-Istati Uniti u lill-Ewropa jerġa’ jkollhom dominanza kompleta fl-Ewropa mingħajr ma jidħlu huma fi gwerra. Ma jfissirx li mhu qed jagħmlu xejn għaliex barra s-sanzjonijiet qed joffru l-armi. Imma la qegħdin fil-gwerra u lanqas iridu jidħlu fiha għaliex tajjeb li hu ħaddieħor li qed jiġġieled għalihom u ċ-ċittadini ta’ pajjiż ieħor ikunu qed ibatu l-akbar sofferenzi biex huma jilħqu l-għan tagħhom.
Dan rajnieh il-ġimgħa li għaddiet meta missila waqgħet f’villaġġ fil-Polonja. Wara ftit sigħat kien Biden stess li qal li l-probabbilta’ kbira hi li l-missila kienet sparata mill-Ukraina minkejja li kien għadu kmieni wisq biex jiġi deċiż jekk kinitx ir-Russja jew l-Ukraina li sparaw din il-missila. Ir-raġuni hi ovvja. Filwaqt li huma jridu li l-gwerra tkompli, ma jridux li huma jidħlu direttament fiha għaliex ir-riperkussjonijiet fuq il-pajjiż u ċ-ċittadini jkunu fuq pajjiżhom. L-istess tara kif l-UE taġixxi. Filwaqt li qed tkompli tħeġġeġ u tgħin lill-Ukraina fil-gwerra mhix lesta li ddaħħal lill-Ukraina bħala Stat Membu tal-UE sakemm il-gwerra tkompli għaliex jekk isir hekk, il-pajjiżi kollha tal-UE jidħlu fil-gwerra – xi ħaġa li huma ma jridux għax hu komdu għalihom li hemm ħaddieħor li qed imexxi l-gwerra tagħhom u jbati l-konsegwenzi kollha hu filwaqt li huma kull ma jagħmlu hu li jfaħħruh, jagħtuh l-armi u jagħmlu s-sanzjonijiet.
Is-sanzjonijiet
Is-sanzjonijet huma arma oħra. Intużaw qabel imma ftit kien l-impatt fuq min kien jimponihom. Biss din id-darba kien hemm impatt qawwi fuq il-pajjiżi Ewropej li mponewhom. Dan ġej mis-sanzjonijiet li l-kapijiet tal-pajjiżi Ewropej dejjem japprovaw minkejja r-riperkussjonijiet fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżhom. Qed ngħid hekk għax huma ċ-ċittadini Ewropej, fosthom aħna, li qed ibatu dan l-impatt.
Il-mexxejja Ewropej jitkellmu li huma dejjem jagħtu kas l-opinjoni taċ-ċittadini tagħhom. Biss fuq is-sanzjonijiet żgur li mhux qed jagħmlu hekk. Dan faċli joħroġ mill-istħarriġ li sar dan l-aħħar fuq iċ-ċittadini ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit fuq is-sanzjonijiet tal-enerġija. Kienu biss 35% taċ-ċittadini fir-Renju Unit u Spanja, 28% taċ-ċittadini fi Franza u l-Ġermanja u 26% fl-Italja li jaqblu ma’ dawn is-sanzjonijiet li splodew ‘il fuq il-prezzijiet tal-enerġija. Il-maġġoranza taċ-ċittdini ma jaqblux, għax għalihom huma l-interessi tagħhom u ta’ familthom li huma l-aktar importanti u mhux li pajjiżhom iżomm id-dominanza li għandu.
Issa l-UE lesta li ser terġa’ timponi aktar sanzjonijiet. Jekk verament il-mexxejja tal-pajjiżi jistmaw liċ-ċittadini tagħhom, għaliex ma jgħidulniex x’ser ikun l-impatt fuq il-familji tagħna u jitolbu l-opinjoni tagħna? Li kieku verament jemmnu fid-demokrazija hekk jagħmlu u mhux jibqgħu ma jagħmlu xejn biex jerġgħu jġibu l-paċi fl-Ewropa. Jekk inħarsu lejn x’inhuma jagħmlu naraw li minflok jitkellmu biex isibu soluzzjonijet, aktar qed nibnu ħitan.
Dan narawh bl-imġiba tal-mexxejja fl-isports internazzjonali. Minflok nieħdu l-opportunita’ biex inkabbru r-relazzjonijiet li għandna ma’ nies li ma naqblux magħhom, aktar qed nibnu ħitan li jifirduna. Ma nistgħux nirrealizzaw li rridu naġixxu bħal ma nagħmlu mal-ġirien tagħna – trid issib mezz li minkejja d-differenzi ta’ bejnietkom, xorta tistgħu tgħixu ħdejn xulxin mingħajr ġlied jew tensjoni bejnietkom. Biex tasal għal din is-sitwazzjoni, trid tisma’ u tifhem lin-naħa l-oħra filwaqt li tispjega l-fehmiet tiegħek mingħajr ġlied jew tgħajjir. Hekk tasal għall-paċi u mhux billi tipprova tħarbat lin-naħa l-oħra jew issaħħan lil ħaddieħor kontra l-ġirien tiegħek.