Wednesday, April 24, 2024

Jikteb ktieb biex ifakkar il-legat ta’ Victor Calvagna

Aqra wkoll

Mark Galea hu l-awtur tal-ktieb li jfakkar il-memorja tal-konsulent pedjatriku Victor Calvagna li ħalla din id-dinja f’Jannar li għadda wara li ntlaqat minn vettura fil-Qawra waqt li kien qed jagħmel xi eżerċizzju fiżiku.

Għal Galea, Calvagna kien qisu ħuh minħabba li kienu jqattgħu sigħat sħaħ flimkien partikolarment waqt xi attivita’ sportiva.

Dan is-sit tkellem ma’ Mark Galea, li hu dilettant kbir tal-fotografija tant li għandu numru mhux ħażin ta’ ritratti proprju miegħu.

“Ili naf lil Victor sa mis-sena 2007 u minn dak iż-żmien ‘l hawn sirna ħbieb kbar. Ħassejt ħafna n-nuqqas tiegħu u xtaqt infakkar il-memorja tiegħu b’numru ta’ ritratti li ħadt tiegħu sabiex inwassal eżattament il-vjaġġ sportiv ta’ Dr Calvagna.”

“L-għan ta’ dan il-ktieb hu sabiex niġġenera fondi għal Puttinu Cares li tant jagħmlu xogħol nobbli mal-pazjenti li jiġu bżonnu.

Mark jgħidilna li waqt it-taħriġ mhux l-ewwel darba li Victor Calvagna kien jieqaf biex jirrispondi telefonata ta’ ġenituri ta’ tfal li jkunu taħt il-kura tiegħu, għax għalih dawk kienu jiġu l-ewwel u qabel kollox.

Huwa qal li minkejja l-ġid kbir li għamel f’Puttinu, u l-kura li kien verament dedikat għaliha, hu qatt ma fittex li jiftaħar b’dak li għamel anzi juri dejjem l-umilta’ tiegħu li dak hu xogħlu li għandu jaqdih b’dover kbir lejn il-pazjent. 

Sadanittant il-ktieb bl-isem ta’ , “Victor you are an Iron Man”, li fih ‘l fuq minn 600 ritratt dwar il-vjaġġ sportiv ta’ Dr Calvagna flimkien mal-grupp ta’ sportivi bl-isem ta’ Weasals Pack.

“B’dan il-ktieb irrid inħalli legat qawwi ta’ Victor kif kont inħobb insejjaħlu jien, li meta jgħaddu s-snin l-ktieb jiġi apprezzat iktar u hemm ħafna nies li ftit jafu b’ċerti kisbiet tiegħu.”

Sadanittant wara li fil-jiem li għaddew, saret it-tnedija tal-ktieb, il-qligħ kollu għalih se jmur għall-Fondazzjoni Puttinu Cares li kien waqqaf Dr Calvagna biex jgħin lill-pazjenti tfal morda bil-kanċer.

Il-ktieb se jkun jiswa €25 u wieħed jista’ jakkwistah mingħand Agenda Bookshop, bl-awtur Mark Galea li qiegħed f’diskussjonijiet sabiex aktar ħwienet tal-kotba jbigħu din il-pubblikazzjoni. Wieħed jista’ wkoll isib dan il-ktieb mill-Puttinu Rainbow Ward. Barra minn hekk wieħed jista’ jixtri wkoll dan il-ktieb mill-book festival.

Sport