Tuesday, May 14, 2024

Victor Vella elett fil-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan

Aqra wkoll

Ilbieraħ filgħaxija, il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista approva n-nomina ta’ Victor Vella biex ikun il-Kunsillier Lokali l-ġdid tal-Partit fil-lokalità ta’ San Ġiljan wara li Albert Buttigieg, fit-28 ta’ Ottubru li għadda, ġie elett fil-Parlament bl-elezzjoni każwali biex jimtela’ s-siġġu vakat bil-mewt ta’ Robert Arrigo.

Victor Vella, li kien innominat għall-proċess ta’ co-option wara li l-Kandidati l-oħrajn kollha li ħarġu għall-elezzjoni lokali tal-2019 f’isem il-Partit Nazzjonalista kienu eletti, ilu involut fil-Partit Nazzjonalista sa mill-1974 u fl-1995 beda l-involviment tiegħu fil-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista f’San Ġiljan. Hawn, ilu jservi bħala Teżorier għal dawn l-aħħar 19-il sena, mill-2003.

Hu jaħdem bħala Senior Assistant Librarian fl-MCAST wara li ggradwa fil-Library and Information Science mill-Università ta’ Malta. Qabel, hu studja fl-Iskola ta’ Tas-Sliema u fit-Technical Institute ta’ Raħal Ġdid (illum MCAST). Hu wkoll iċ-Chairperson tal-Malta Library and Information Association.

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista awgura lil Victor Vella għall-ħidma ġdida tiegħu b’risq San Ġiljan u b’risq il-Partit Nazzjonalista.

Sport