Saturday, December 21, 2024

VIŻJONI MALTA 2050

Aqra wkoll

Dil-ġimgħa l-Gvern għadu kif ippreżenta l-proċess li se jwassal għall-viżjoni għal Malta sal-2050 bil-għan li tilqa’ għall-isfidi u l-opportunitajiet tas-seklu 21. 

Materja li l-General Workers’ Union lura fl-2008 kienet ipproponiet li tibda ssir ħidma fuqha kemm għall-ekonomija, iżda wkoll għall-ambjent, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-soċjal, it-trasport, eċċ.

Din it-trejd unjin kienet u baqgħet tinsisti li l-pajjiż jeħtieġ ikollu proċess kontinwu li jrid jitwettaq b’approċċ gradwali u ppjanat biex jittieħdu ċerti azzjonijiet meħtieġa u nkomplu nilħqu l-miri tagħna. Hekk kif it-tkabbir bla preċedent tal-ekonomija tagħna fl-aħħar għaxar snin wasslet għal numru ta’ benefiċċji iżda wkoll sfidi u problemi. 

Kienet hi li dejjem saħqet li l-idea li s-suq jikkoreġi lilu nnifsu hija insostenibbli u li jinħass il-bżonn li jitwettqu ċerti azzjonijiet biex naffaċċjaw il-problemi u jintlaħqu l-miri meħtieġa.

L-oqsma li l-GWU iffokat fuqhom meta fasslet il-proposti tagħha għall-Budget 2025 kienu xprunati mill-bżonn li l-pajjiż ikollu viżjoni u pjan nazzjonali ħolistiku għal xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwasslu għall-mobbilità soċjali għal kulħadd. 

Għalhekk, permezz ta’ viżjoni ħolistika u pjan strateġiku jeħtieġ li ssir ħidma b’mod konġunt biex permezz tas-sħab soċjali, fosthom il-GWU li se tkun qed tieħu sehem b’mod attiv, il-gvern u l-oppożizzjoni u diversi esperti fil-qasam jintlaħqu l-miri meħtieġa biex Malta tkompli televa ruħha u tkun l-aħjar fl-Ewropa.

Ejjew flimkien inxammru l-kmiem u naħdmu b’ko-ordinazzjoni fil-proċess tal-Viżjoni Malta 2050 biex b’dixxiplina u perseveranza minn kulħadd, flimkien bħala nazzjon, inkomplu nevolvu u nadattaw għall-isfidi u l-opportunitajiet għal Malta aħjar, għal uliedna u ulied uliedna.

Ekonomija

Sport