Saturday, April 27, 2024

“Vjaġġi protetti”…New Zealand u l-Awstralja jridu jkunu l-mudell tal-ivvjaġġar

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

L-idea li jsiru “vjaġġi protetti” bejn żewġ pajjiżi, bil-għan li terġa’ tibda ddur l-ekonomija, mhix waħda li ġiet biss suġġerita li ssir bejn Malta u Sqallija minn xi operaturi turistiċi. Fil-fatt, jidher li hemm pjani biex din l-idea tiġi implimentata bejn New Zealand u l-Awstralja. 

Dwar dan tkellmet il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern wara laqgħa li kellha mal-Gvern Awstraljan, proprju rigward dan il-ftehim li mistenni jseħħ bejn iż-żewġ pajjiżi ħalli jkunu jistgħu jsiru vjaġġi bejn iż-żewġ pajjiżi, u li jkunu protetti mill-Coronavirus. 

Din il-proposta, li qiegħda tissejjaħ b’mod formali bħala t-trans-Tasman Covid-safe travel żone, se tippermetti lir-residenti li jivvjaġġaw fil-libertà bejn iż-żewġ pajjiżi, mingħajr il-bżonn li ssir kwarantina. 

Din kienet l-ewwel darba li Prim Ministru ta’ New Zealand attenda laqgħa tal-kabinett tal-Awstralja jew inkella xi laqgħa oħra ta’ dan it-tip mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn. 

Fi stqarrija bejn iż-żewġ Prim Ministri, dawn wegħdu li se jibdew jaħdmu fuq din l-iskema, malli jkun sigur li jsir dan. Huma qalu li żona bħal din tkun ta’ benefiċċju għaż-żewġ pajjiżi, biex tassisti l-irkupru ekonomiku u tal-kummerċ, biex tagħti spinta lit-turiżmu u lis-settur tat-trasport, biex jitjiebu kuntratti relatati ma’ sport u biex ikunu jistgħu jingħaqdu mill-ġdid ħbieb u familji. 

Il-mexxejja qalu li jridu jkunu kawti dwar kif jaħdmu fuq din l-inizjattiva, u dan hekk kif l-ebda pajjiż ma jrid li l-virus jerġa’ jfeġġ. Għalhekk saħqu li din iż-żona trid tkun waħda sigura. Biex dan iseħħ, qalu li jridu jillaxkaw il-miżuri kontra l-ivvjaġġar fil-ħin opportun ħalli ż-żewġ pajjiżi jibbenefikaw mill-istrateġija li kkontrollaw il-virus minn kmieni. 

Filwaqt li l-Prim Ministru Ardern qalet li għad fadal ħafna xogħol li jrid isir biex din l-idea timxi ‘l quddiem, min-naħa l-oħra hi saħqet li din qiegħda tissemma peress li toffri ħafna benefiċċji.

Fil-fatt, dan jidher li jista’ jsir peress li ż-żewġ pajjiżi għamlu progress kbir fil-kontroll tal-Coronavirus. It-Tlieta li għadda, New Zealand ma kellha ebda każ għal jumejn wara xulxin, filwaqt li l-Awstralja sabet biss 14-il każ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. 

Qed jingħad li jekk din l-idea tirnexxi bejn l-Awstralja u New Zealand, din se sservi ta’ mudell biex jerġa’ jibda l-ivvjaġġar madwar id-dinja. 

https://www.inewsmalta.com/2020/05/vjaggi-protetti-bejn-malta-u-sqallija-biex-nirkupraw-mill-pandemija/?fbclid=IwAR2kdAPS1CVhuPYec4b0Vxm-MexlQv8H5BEhpHM2DYGVnaT9WiX_3-kZeTM

Sport