L-istat konservattiv ta’ Kansas fl-Istati Uniti ddeċieda f’referendum li jipproteġi d-drittijiet tal-abort – f’dik li qed tkun meqjusa bħala rebħa kbira għal gruppi ‘pro-choice’.
Il-maġġoranza ta’ dawk li vvotaw qalu li ma jixtiqux jemendaw il-kostituzzjoni li tasserixxi li ma jkunx hemm dritt għall-abort. Dan kien l-ewwel test elettorali minn meta l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ppermettiet lill-istati jipprojbixxu din il-proċedura.
Kieku l-votazzjoni marret in-naħa l-oħra, il-leġiżlaturi setgħu jimxu biex jirrestrinġu aktar jew jipprojbixxu l-abort fl-imsemmi stat.
B’mod separat, Michigan, Arizona, Missouri u l-istat ta’ Washington kellhom ukoll elezzjonijiet matul il-jum tat-Tlieta.
Il-mistoqsija tal-votazzjoni f’Kansas kienet antiċipata ħafna minn meta l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti xahrejn ilu biddlet id-deċiżjoni tal-1973 li legalizzat l-abort madwar il-pajjiż kollu.
L-ewwel indikazzjonijiet juru li ċ-ċittadini ta’ Kansas vvotaw b’aktar minn 60% biex iħarsu d-dritt kostituzzjonali tal-istat tan-nisa li jkollhom aċċess għall-abort.