Il-goalkeeper leġġendarju, Walter Zenga, ġie Malta għal avveniment ta’ jumejn organizzat mill-Inter Club Malta. Din kienet opportunità biex partitarji lokali tal-Inter jiltaqgħu ma’ wieħed mill-ikbar plejers u gowlers tal-Inter.
B’iktar minn 1,140 membru, l-Inter Club Malta huwa wieħed mill-aktar fan clubs prominenti tal-Inter fid-dinja.
Zenga hu magħruf ukoll bħala ‘L’Uomo Ragno’ (Spiderman) għall-ħiliet eċċezzjonali tiegħu.
Kienu jumejn intensivi t’attivitajiet esklussivament għall-membri tal-klabb. Attendew mijiet ta’ membri appassjonati, fejn dawn kellhom l-esperjenza indimentikabbli li jiltaqgħu personalment mal-eks gowler u jerġgħu jgħixu mumenti kruċjali mill-karriera ta’ suċċess ta’ Zenga.
Fit-13 ta’ Diċembru, saret ċena fejn il-membri kellhom iċ-ċans jinteraġixxu mill-qrib ma’ Zenga, jieħdu ritratti memorabbli, u jiffirmaw memorabilia. Saret ukoll intervista fejn semgħu stejjer mill-karriera tiegħu.
Fl-14 ta’ Diċembru, Zenga żar is-sede ta’ Inter Club Malta f’Santa Venera, li għandu swali spazjużi fejn il-partitarji jinġabru biex jaraw il-partiti u jissoċjalizzaw. Matul iż-żjara tiegħu fil-klabb, Zenga ffirma l-ktieb tal-viżitaturi speċjali.
Il-klabb f’Malta qal li din iż-żjara kienet ta’ suċċess kbir, u tirrifletti l-impenn kontinwu tiegħu lejn opportunitjiet ġodda u esperjenzi memorabbli għall-membri.
Il-president il-ġdid tal-Inter Club Malta, Joe Caruana Curran (Jr.) qal li jinsabu impenjati li jrawmu l-passjoni tal-partitarji tagħhom u li joffrulhom iktar esperjenzi uniċi.
Stqarr ukoll li dan l-avveniment kien biss l-ewwel pass minn ħafna biex l-idoli tal-Inter ikunu iktar disponibbli għall-membri tagħhom, u li se jkomplu jaħdmu bla heda biex jiżguraw li l-komunità lokali ta’ partitarji Interisti tkun tista’ tgħix il-ħolm tagħha.
Il-klabb wera apprezzament lejn l-isponsors għall-appoġġ tagħhom u radd ħajr lil Visit Malta, li l-impenn tagħhom biex jippromwovu lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija kkontribwixxa għas-suċċess taż-żjara ta’ Zenga, kif ukoll lil Alliance, Betsson, Maria Rosa Wine Estate, Fortina Investments, Abela & Abela (Nutara u Kummissarji għall-Ġuramenti), u Olly Vending.