Sunday, November 24, 2024

WAQGĦA LI TISTA’ TWASSLEK GĦAL AFFARIJIET KBAR

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem bdew ħerġin ir-riżultati tal-eżamijiet u magħhom ma jistax jonqos li jkun hemm il-ferħ, l-emozzjoni u xi kultant sfortunatament id-diżappunt. 3796 student u student irreġistraw biex jagħmlu l-eżamijiet tal-Matrikola fil-livell avvanzat u intermedju. 5077 student ieħor għamlu l-eżamijiet tas-SEC. Nemmnu li agħar mir-riżultati li dak li jkun ma tantx ikun xtaq hemm il-pressjoni żejda tal-ġenituri li tista’ tinqasam fuq binarji differenti li sfortunatament xi kultant jispiċċaw jiggravaw is-sitwazzjoni ta’ wliedhom anke jekk ma jkunux iridu jagħmlu dan.

Huwa minn ewl id-dinja li l-ġenituri jkunu jixtiequ l-aħjar għal uliedhom u li s-suċċess tagħhom jispiċċa prijorità fuq l-aġenda tal-ħajja tagħhom bħala l-bastun u l-gwida tagħhom tagħhom sa mit-twelid. Madanakollu nemmnu li hija ħasra li qalb id-delużjoni ta’ dawk li rċevew li fallew xi eżami, lil hinn mil-livell tal-eżami minkejja li f’dan il-każ qed nitkellmu dwar l-O u l-A Levels.

Falliment dejjem iġib miegħu diżappunt u l-agħar ħaġa f’mumenti simili li ssib min ikompli jtaqqlek b’kummenti li jistgħu jvarjaw minn dawk li juru d-delużjoni fuq ħaddieħor b’reazzjoni għall-istess riżultati sa rabja li tinbidel f’sanzjonijiet li ma nemmnu xejn li jistgħu jservu ta’ ġid biex f’tentattiv ieħor l-istorja tkun xorta oħra.

Tajjeb li niftakru li sa ftit tas-snin ilu l-klassijiet tal-privat kienu jaraw ħafna ġenituri jagħżlu fejn se jieħdu lil uliedhom minħabba ismijiet partikolari ta’ għalliema mentri llum għandna diversi għalliema madwar il-pajjiż li prattikament huma ta’ fiduċja b’tali mod li kulħadd jista’ jgawdi minn servizz fl-istess lokalità fejn jgħix.

L-għajnuna mhix xi diżunur. Li tfittex spalla ġdida mhux xi ħaġa li qatt ma saret qabel u nemmnu li l-metodu ta’ għalliem differenti jista’ jkun iċ-ċavetta li tant ikun ilna nfittxu biex nimxu lejn is-suċċess. Mhux faċli biex l-istudenti jaċċettaw li sħabhom ikunu għaddew minn xi test u eżami li huma jkunu fallew. Barra minn hekk il-falliment jista’ jkun riżultat ta’ sitwazzjonijiet varji fejn ikollok studenti li jkunu għamlu ħilithom kollha biex imorru tajjeb u jkunu fallew xorta waħda jew oħrajn li jkunu baqgħu jitlajjaw bla ma jemmnu li mingħajr ftit sforz se jispiċċaw fis-sitwazzjoni ta’ diżappunt li jkunu spiċċaw fiha.

Nemmnu wkoll li hemm min ibati biex ilaħħaq ma ċertu spejjeż u għalhekk nemmnu li l-għajnuna tal-istat biex jgħin ġenituri li ma jinsabux fi stat daqshekk komdu li jgħinu lil uliedhom b’ċertu lezzjonijiet tal-privat kienet tarġa importanti lejn it-tama ta’ iktar studenti li jerġgħu jpoġġu għall-eżamijiet bi tħejjija diċenti. Lezzjonijiet ta’ reviżjoni bla ħlas offruti mill-istat biex ikompli jwettaq il-viżjoni tiegħu lejn opportunitajiet ugwali għall-istudenti kollha.

F’Settembru se ssir it-tieni sessjoni tal-eżamijiet u wieħed se jkun jista’ jirreġistra għalihom online, mid-19 ta’ Lulju. Din it-tieni sessjoni għandha tkun il-mira ta’ dawk li b’xi mod jew ieħor spiċċaw b’marka li ma xtaqux. Minkejja li mhux l-iktar żmien addattat biex tħejji ruħek għal eżamijiet waqt li sħabek għaddejjin bil-vaganzi, il-viżjoni ta’ marka tajba miksuba wara għandha tkun il-motivazzjoni meħtieġa.

Ma nistgħux ma nikkummenttawx ukoll dwar il-fatt li fl-aħħar xhur tkellimna wkoll dwar opportunitajiet fi skejjel tas-snajja u x-xogħol tal-id. Nemmnu li mhux biżżejjed li nsemmu li rridu ninvestu f’dawn in-nies, iżda hemm bżonn li sa minn etajiet żgħar uliedna jkunu aktar konxji ta’ fejn jistgħu jaslu b’ċertu ħiliet fejn jidħlu s-snajja.

B’messaġġ b’saħħtu favur it-tagħlim għax nemmnu li f’dinja moderna u avvanzata huwa impossibbli li ma jkollokx ċertu livell ta’ tagħlim, nemmnu bis-sħiħ li l-ġenituri għandhom ikunu huma l-ewwel li jaħsbu ftit u jirraġunaw biex f’reazzjoni mħallta ta’ emozzjonijiet f’sitwazzjonijiet fejn it-tfal ikunu fallew, ikunu huma li jagħtuhom l-aqwa sapport.

Nemmnu wkoll li ma nistgħux nħallu barra kumment li kien għamel f’intervista lokali l-iżviluppatur Joseph Portelli meta qal li fil-bidu tas-suċċessi kbar li – fejn illum magħruf sew għax-xogħlijiet kbar u l-għajnuniet li jagħti fil-komunità minħabba l-pożizzjoni finanzjarja tiegħu, l-ewwel xogħol tiegħu kien f’canteen.

Illum huwa s-sid ta’ diversi proprjetajiet u l-assi tiegħu huma li huma. Kull jum li jgħaddi l-bniedem għandu quddiemu żewġ għażliet. Tista’ tħares lura b’rimors u tieqaf hemm jew tħares ’il quddiem b’determinazzjoni li għada tkun bniedem aħjar mil-lum.

Sport