Wednesday, April 24, 2024

Waqt li nersqu lejn Halloween, aktar films tal-orrur

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, “Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings” kompla jiddomina l-box office Amerikana b’dħul ta’ $35.8 miljun fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.  Meta tgħodd id-dħul mill-pajjiżi kollha wara ġimgħatejn, dan il-film dwar is-super-eroj tal-Marvel, Shang-Chi diġa kellu dħul ta’ $257.6 miljun 

“Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings” ftit li xejn kellu kompetizzjoni.  Mill-films ġodda, l-aħjar li mar kien il-film tal-orrur, “Malignant” b’dħul ta’ $5.57 miljun fl-ewwel tlitt ijiem.  F’69 pajjiż fejn ħareġ għall-wiri, id-dħul kien ta’ $6.9 miljun.  Meta tqis li d-direttur James Wan għandu reputazzjoni ta’ films tal-orrur li jiġbdu ħafna nies, id-dħul hu diżappuntanti.  “Malignant sewa $40 miljun biex inħadem.  Id-dħul ta’ “Malignant” fil-box office Amerikana hu ftit anqas minn ta’ “Free Guy” li daħal fil-ħames ġimgħa tiegħu.

“Candyman” u l-avventura għall-familja kollha, “Jungle Cruise” spiċċaw fir-raba’ u fil-ħames post bid-dħul li kellhom.

Malignant

Veru li James Wan tana “Fast & Furious 7” u “Aquaman”, imma aktar hu assoċjat mal-films fil-ġenru tal-orrur għax tana “Saw” u “The Conjuring” fost l-oħrajna.  B’“Malignant”, James Wan jerġa lura għall-għeruq tiegħu u jurina li ma tilifx dik il-ħila partikolari biex joħloq thriller tal-orrur ta’ livell għoli.

“Malignant” għandu xebħ man-narrattiva tal-film tajjeb animat “Frozen”. Sa hemm biss tista’ tagħmel paragun.  Mill-bqija lesti ruħek biex iwerwrek.

Il-protagonisti huma żewġt aħwa bniet: waħda hi fuq ruħha u ottimista; l-oħra possibilment b’poteri sopranaturali mxajtna.  Għal dan il-film, James Wan qiesu qabad ħafna elementi minn diversi films oħra ta’ epoki differenti, żewwiġhom u ħareġ b’xi ħaġa differenti mill-films l-oħra tal-biża’ li rajna fil-passat riċenti. 

Wara prologu li jseħħ fi sptar ta’ riċerka u fih jiġru ħafna affarijiet tat-twerwir, il-film jintroduċina ma’ Madison (Annabelle Wallis).  Għal sentejn sħaħ, Madison għaddiet minn esperjenzi ta’ korrimenti.  Żewġha Derek li jkun raġel abbużiv u alkoħoliku, isir vjolenti u lill-martu jħabtilha rasha mal-ħajt.  Madison tissakkar fil-kamra tas-sodda u tmur għajna biha.  .  Waqt li tkun rieqda, il-mara toħlom li raġel daħal fid-dar tagħhom u joqtol b’mod vjolenti lil Derek.  Meta tqum, issib lil żewġha mejjet.  Il-qattiel ikun għadu fid-dar, jattakka lil Madison, u l-mara tintilef minn sensiha.

L-għada, Madison tqum u ssib ruħha fi sptar, b’oħtha Sydney (Maddie Hasson) ħdejha.  Madison tkun reġgħet tilfet it-tarbija li kienet qegħda iġġorr. Wara li jinterrogawha l-pulizija Kekoa Shaw (George Young) u l-kollega Regina Moss (Michole Briana White), Madison tmur id-dar. U l-ħolm bil-qattiel terġa tibda toħolmu.

Dak li jagħmel “Malignant” (Warner Bros.) tajjeb hu li James Wan qiesu neħħa l-għanqbut li kien sar hemm f’diversi films oħra f’dan il-ġeneru biex joħroġ b’xi ħaġa aktar ġdida.  Hu r-ritmu ta’ kif jinbnew ix-xeni għal qtajja li jagħmlu effettiv.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 18 (persuni għal fuq minn 18-il sena) għax fih ħafna vjolenza mdemmija, xeni tal-biża’ u abbuż domestiku.

Queenpins

Ġol-kaxxa tal-ittri jew f’xi magażin, mhux darba jew tnejn issib xi kupun li jista’ jissarraf fi skont jew bih tista’ tieħu prodott b’xejn.

Fl-2012, il-kumpaniji kbar Amerikani intebħu li xi ħadd kien qed jipproduċi kupuni foloz li qed jiġu mibjugħa fuq website partikolari, fejn in-nies jixtru dawn il-kupuni b’nofs il-prezz tal-valur tal-prodott.  Dawn ix-xerrejja isarfu l-kupuni foloz fis-supermarkets.  In-nies wara din l-iskema laħqu għamlu miljuni kbar qabel inqabdu.  “Queenpins” hu ispirat minn din l-istorja li ġrat minkejja li tista’ tinstema’ assurda.

F’dan it-thriller komiku, Connie (Kristen Bell) tħajjar lil ġara tagħha JoJo (Kirby Howell-Baptiste) sabiex joħolqu din l-iskema ta’ kupuni billi jikkonvinċu żewġ nisa ħaddiema f’fabbrika ġol-Messiku billi jagħtuhom dawk il-kapuni li ma jkunux intużaw.  

Il-bejjiegħa u l-kumpaniji jibdew jinnutaw li xi ħaġa qed tiġri b’dawn il-kupuni kollha msarrfa.  Il-Local Loss Prevention Officer Ken (Paul Walter Hauser) jibda jindaga u jifli dawn il-kapuni ppreżentati.  

Ħaġa li tolqtok f’dan il-film hi li kulħadd iħossu mhux apprezzat: Connie minn żewġha; JoJo mill-bankiera għax ma jridux jgħinuha tibda negozju; Ken iħossu mwarrab mill-imgħallem; u anke ħabib ta’ Ken, Simon (Vince Vaughn), li hu spettur postali, jemmen li kulħadd iwarrbu.

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Aron Gaudet u Gita Pullapilly, “Queenpins” (STX International) hu satira fuq id-dinja kapitalista u kif il-kumpaniji kbar jisfruttaw il-klijenti billi jagħmuhom bit-taparsi kupuni biex iġegħluhom jixtru aktar.  Għalhekk Connie u JoJo iħossuhom kienu saru qishom xi Robin Hoods moderni.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 15 (persuni għal fuq minn 15-il sena) għax fih kliem mhux xieraq u s-suġġett jitlob maturità.

Sport