Friday, July 19, 2024

Wara 170 sena tagħlaq l-iskola tal-Vajringa

"Qed nibża’ li mhux ser inkun kapaċi ntemm l-assembly ta’ dalgħodu"- Is-Surmast Lelio Spiteri

Aqra wkoll

“Emozzjonat wisq. Qed nibża’ li mhux ser inkun kapaċi ntemm l-assembly ta’ dalgħodu. Wara 170 sena ta’ storja, illum l-iskola tal-Vajrinġa tagħlaq il-bibien tagħha bħala istituzzjoni edukattiva. Għall-aħħar darba llum niltaqgħu bħala familja f’dik il-bitħa li rat eluf ta’ tfal u edukaturi matul is-snin, semgħet talb, kant u daqq, ħasset emozzjonijiet puri, daqet it-togħma tal-istaġuni kkuluriti ta’ ħajjet it-tfal u l-kbar u xammet u xorbot il-ħlewwa, il-benna li kapaċi joffru biss it-tfal”.

Ħabbar dan, Lelio Spiteri, Kap tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex, f’kitba li qasam fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook. Fl-istess kitba, huwa rringrazzja mill-qalb, lil tant edukaturi u kapijiet tal-iskola li taw qalbhom fl-iskola, speċjalment lil dawk li qegħdin ħdejn il-Mulej u lil tant u tant tfal li kellhom ix-xorti jirċievu ħafna tagħlim sabiħ fil-klassijiet, fil-kurituri, fl-ispazji miftuħa.

Qal ukoll li wara llum, fil-bitħa taqa’ s-sikta, iżda l-ħitan ser jibqgħu xhieda dejjiema ta’ familja li għal tant snin sabet fil-post kenn, tama, imħabba, opportunitajiet fejn wieħed seta’ jimraħ, jogħla ‘l fuq, jiskopri orizzonti ġodda.

Temm il-messaġġ billi rringrazzja lill-Ħallieq talli ppermettielu dan kollu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport