Sunday, December 1, 2024

Wara l-Budget żieda qawwija fil-kunfidenza ekonomika f’pajjiżna

Aqra wkoll

Wara l-Budget kien hemm żieda qawwija fil-kunfidenza ekonomika f’pajjiżna. Dan jirriżulta mill-istħarriġ li jsir kull xahar mill-Kummisjoni Ewropea fost in-negozji u l-konsumaturi fill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, nkluż f’pajjiżna.

L-istħarriġ filfatt jindika li matul Novembru pajjiżna kellu valur tal-indiċi ta’ sentiment ekonomiku ta’ 110, jew 10% aktar mill-medja storika. Dan huwa l-aqwa riżultat għal din is-sena, b’żieda ta’ 7% mix-xahar ta’ qabel. B’kuntrast madwar l-Ewropa l-kunfidenza hija 4% anqas mill-medja storika, u baqgħet stabbli kumparat ma xahar qabel. Dan mentri f’Malta kien hemm l-akbar żieda minn fost il-pajjiżi kollha.  Dan jikkonferma kemm il-budget li jidher li ntlaqa sew fost in-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin.

Is-sentiment fost il-familji huwa ferm aħjar mill-medja storika, u ferm aqwa mill-medja Ewropea. Filfatt kien ilu minn April 2022 ma jkun hemm daqstant kunfidenza ekonomika fost il-familji f’pajjiżna. Dab seħħ għax wara l-budget, il-maggoranza tal-familji ntervistati sostnew li jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se titjieb. Tant li ħafna bassru li sejrin jonfqu aktar fix-xhur li ġejjin u minkejja dan xorta qed jistennew li jżidu t-tifdil tagħhom fix-xhur li ġejjin. L-ammont ta’ dawk jistennew żieda fil-prezzijiet naqas għal anqas livell mindu daħlet fis-seħħ l-iskema Stabilta. 

Fl-industrija, kważi f’nofs il-kumpaniji ntervistati sostnew li l-produzzjoni żdiedet, u maġġoranza kbira tal-azjendi qallu li qed jistennew li din tiżdied aktar fiż-żmien li ġej. Dan minkejja s-sitwazzjoni nternazzjonali negattiva. Dan it-tbassir wassal biex is-sentiment ekonomiku f’dan is-settur jitjieb aktar mill-medja storika, bl-aqwa livell ta’ kunfidenza minn fost il-kumpaniji tal-manifattura kollha madwar l-Ewropa.

Anke fost l-operaturi fis-settur tal-kostruzzjoni wkoll kien hemm titjib qawwi fis-sentiment, li laħaq livell ferm aħjar mill-medja storika. Dan għaliex n-negozji qed jistennew titjib fl-attivita fix-xhur li ġejjin. 

Fis-servizzi, maġġoranza tal-azjendi f’pajjiżna sostnew li kellhom żieda fl-attivita fl-aħħar xhur u din se tkompli tikber. Tant li l-aspettativi fost l-operaturi fis-settur kienu positivi u ferm aħjar mill-medja storika. Dan is-sentiment huwa fost l-aqwa fl-Ewropa, fejn bħala medja l-operaturi fis-settur għandhom sentiment anqas mill-medja storika.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport