Monday, May 13, 2024

Wara l-esperjenza tal-Junior Eurovision, Gaia Gambuzza b’xi ħaġa ġdida

Aqra wkoll

Gaia Gambuzza hija r-rebbieħa tal-edizzjoni tas-sena l-oħra tal-Malta Junior Eurovision Song Contest 2022. Gaia kienet rebħet bil-kanzunetta oriġinali tagħha ‘’Diamonds in the Skies’’ u rrappreżentat pajjiżna fl-Armenia f’Diċembru li għadda. Fi Frar mbagħad konna rajnieha bħala mistiedna speċjali fil-Eurovision Song Contest tal-kbar. Dan l-aħħar rajnieha ukoll fis-semi-finali u fil-finali tal-Malta Junior Eurovision 2023. Meta ġiet mistoqsija fuq din l-avventura tagħha Gaia wieġbet li din kienet l-isbaħ esperjenza li qatt kellha fil-karriera mużikali tagħha għal dawn l-aħħar tmien snin. Hija tħoss li bidlitilha ħajjitha u tgħallmet ħafna minnha wkoll.

YouTube video

Gaia tirrakuntalna li wara li din il-ħolma saret realtá, xtaqet tagħmel pass ieħor billi toħroġ single ġdida. Hija mal-ewwel bdiet taħdem fuq dan il-pass. Inħolqot tema u minn hemm saret il-lirika u l-mużika tal-kanzunetta. Il-kanzunetta jisimha ‘Fever’ u titkellem fuq is-suġġett tal-bullying. Gaia tgħidilna kif fis-soċjeta hawn ħafna żgħażagħ vittma tal-bullying u li dan mhuwiex aċċettabbli. Hija tgħaddi il- messaġġ, li min jinsab f’sitwazzjonijet bħal dawn u mhux kapaċi jegħleb dawn id-diffikultajiet waħdu, għandu dejjem jfittex l-għajnuna mingħand ħaddieħor.

Dan kollu narawh fil-vidjo mużikali ta’ ‘Fever’. Gaia tkompli żżid li wara li saret il-kanzunetta mbagħad kien imiss il-pass l-ieħor, dak li jinħadem il-vidjo mużikali. Hawnhekk kellha tim warajha li flimkien iddeċċidew kif se joħorġu b’dan il-messaġġ permezz ta’ effetti speċjali li ntużaw waqt il-filmati li nġibdu. Fil-bidu naraw xeni ta’ rabja filwaqt li fl-aħħar tal-vidjo naraw ‘look’ vivaċi u xeni vibranti. Ovjament dan il-vidjo mużikali jidher li sar b’ħafna ħsieb u dedikazzjoni kbira. Gaia xtaqet tirringrazzja lit-tim kollu li ħadem magħha għal din il-kanzunetta fosthom lill-kompożitur u awtur, lill-għalliema tal-kant tagħha, lid-diretturi tal-produzzjoni u t-tim tagħhom, lill-atturi li jidhru waqt il-filmat, kif ukoll lill-istilisti tal-ħwejjeġ, xagħar, make-up u ġojjellerija. Fl-aħħar tagħlaq billi ssemmi lill-ġenituri tagħha li huma ta’ sapport kbir fil-karriera tagħha.

Aħna nifirħu lil Gaia għal din il-kanzunetta l-ġdida li bla ebda dubju se tkompli tiftaħ il-bibien għall-karriera brillanti tagħħa fil-qasam tal-mużika. Gaia mimlija talent u żgur li se tagħtina ħafna aktar mużika sabiħa fil-futur. Awguri Gaia!

Sport