Wednesday, July 24, 2024

Wara l-Iraq u s-Sirja, l-Iran jattakka wkoll lill-Pakistan

Aqra wkoll

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-Iran attakka qagħdiet militari fis-Sirja u l-Iraq, nhar it-Tlieta li għadda poġġa fil-mira wkoll lill-Pakistan. Fil-fatt ġie rappurtat li inqatlu żewġt itfal u tlieta oħra sfaw midruba f’attakk bil-missili mill-Iran fuq il-Pakistan. L-attakk tat-Tlieta laqat raħal fil-provinċja vasta tal-Lbiċ ta’ Balochistan, li tmiss maż-żewġ pajjiżi ġirien.

L-Iran qal li laqat żewġ siti marbuta mal-grupp militanti Jaish al-Adl, skont aġenzija tal-aħbarijiet affiljata mal-militar tal-pajjiż. Qal ukoll li l-attakki li wettaq kienu operazzjonijiet immirati biex jikkastigaw lil dawk li jaħsbu li jistgħu jiksru s-sigurtà tiegħu.

Il-Pakistan sejjaħ dan l-attakk bħala att illegali u wissa li jista’ jwassal għal konsegwenzi serji. Qal ukoll li l-attakk bil-missili mill-Iran fuq il-Pakistan huwa att kważi bla preċedent. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Pakistan ikkundanna l-ksur mhux ipprovokat tal-ispazju tal-ajru tiegħu mill-Iran u ressaq protesta mal-awtoritajiet ta’ Tehran, filwaqt li sejjaħ l-inċident bħala kompletament inaċċettabbli u iktar ta’ tħassib li dan l-att illegali seħħ minkejja li hemm diversi mezzi ta’ komunikazzjoni bejn iż-żewġ.

Iċ-Ċina lbieraħ ħeġġet lill-Pakistan u lill-Iran biex juru trażżin fl-azzjonijiet tagħhom u appellat liż-żewġ naħat biex jevitaw azzjonijiet li jwasslu għal eskalazzjoni ta’ tensjoni u jaħdmu flimkien biex iżommu l-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun. 

Tard nhar it-Tnejn, l-Iran wettaq attakk bil-missili ballistiċi kontra miri fil-belt ta’ Irbil, fit-Tramuntana tal-Iraq, li wassal għal kundanna mill-Istati Uniti.

L-attakki Iranjani tqanqlu fost tensjonijiet akbar madwar il-Lvant Nofsani minn meta fis-7 ta’ Ottubru bdiet il-gwerra fil-Medda ta’ Gaża bejn l-Iżrael u l-grupp Ħamas li hu appoġġjat mill-Iran.

L-Iran iddikjara li ma jridx jinvolvi ruħu f’kunflitt usa’, iżda gruppi fl-hekk imsejjaħ “Assi ta’ Reżistenza” tiegħu qed iwettqu attakki fuq Iżrael u l-alleati tiegħu biex juru solidarjetà mal-Palestinjani.

Is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani qed tkompli tikkumplika ruħa aktar wara li l-moviment Hezbollah tal-Libanu u l-qawwiet Iżraeljani sparaw kontra xulxin. Minbarra dan, Milizji Shia nedew attakki bi drones u missili fuq il-forzi Amerikani fl-Iraq u s-Sirja u r-ribelli Houthi tal-Jemen attakkaw bastimenti fil-Baħar l-Aħmar.

Allegatament, f’attakki mill-Iżrael inqatel mexxej tal-Ħamas fil-Libanu u kmandant tal-Gwardji Rivoluzzjonarji fis-Sirja, filwaqt li l-Istati Uniti qatlet mexxej tal-milizzja Iraqina f’attakk mill-ajru fl-Iraq u bbumbardjat miri Houthi fil-Jemen. 

Il-Pakistan u l-Iran ilhom jiġġieldu kontra gruppi separatisti armati, inkluż Jaish al-Adl, għal għexieren ta’ snin fir-reġjun. Minħabba f’hekk is-sigurtà fuq kull naħa tal-fruntiera bejn l-Iran u l-Pakistan, li għandha medda ta’ madwar 559 mil, ilha żona ta’ tħassib għaż-żewġ gvernijiet.

Il-Ministru tal-Intern tal-Iran Ahmad Vahidi qal li l-militanti Jaish al-Adl kienu daħlu fil-pajjiż mill-Pakistan. Jaish al-Adl huwa l-grupp militanti Sunni l-aktar attiv u influwenti li jopera fis-Sistan-Baluchestan, skont l-uffiċċju tad-Direttur tal-Intelliġenza Nazzjonali tal-Istati Uniti.

Ekonomija

Sport