Tuesday, May 5, 2026

‘Wara snin ta’ xogħol, fl-aħħar ġibna unur ieħor lejn Xewkija, u dan jagħmilna kburin ħafna’ – Vince Carbonaro

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-futbol Għawdxi għal darb’oħra offra spettaklu u mumenti drammatiċi sal-aħħar minuta, u dan ġie kkonfermat fil-finali tal-BOV GFA Cup 2025/26 li rat lil Xewkija Tigers FC jirbħu t-tieni l-aqwa unur tal-futbol f’din il-gżira wara rebħa ta’ 2-1 wara l-ħin barrani kontra Qala Saints FC fil-Gozo Stadium.

F’dan il-kuntest, tkellimna ma’ Vince Carbonaro, assistant coach tat-tim Xewki, dwar l-esperjenza tiegħu, l-istaġun kollu u dak li jistenna fil-futur.

Carbonaro beda billi saħaq kemm kien staġun impenjattiv iżda wieħed mimli sodisfazzjon:

“Kien staġun diffiċli bħal dejjem fil-futbol Għawdxi. Ma kienx hemm sigriet, kull tim kien kompetittiv ħafna. Aħna xtaqna li nirbħu unur ieħor u kien proprju fl-aħħar ġurnata tal-istaġun irnexxielna nagħmluha. Din ir-rebħa tfisser ħafna mhux biss għalina bħala staff tekniku, imma għall-klabb kollu ta’ Xewkija.”

Huwa kompla jgħid li t-tim għadda minn diversi mumenti kruċjali matul l-istaġun, fejn anke kienu fuq quddiem f’ċerti stadji tal-kampjonat:

“Konna anke leaders f’xi mumenti tal-istaġun. Kien hemm perjodi fejn il-wirja kienet konsistenti ħafna, iżda bħal dejjem fil-futbol, kull logħba tgħodd u ma tistax taffordja żbalji.”

Il-finali kontra Qala Saints kienet waħda mill-aktar partiti drammatiċi tal-istaġun. Qala marru fil-vantaġġ permezz ta’ Carrara fis-29 minuta, iżda Xewkija wieġbu fis-51 minuta permezz ta’ Frances. Il-partita marret għall-ħin barrani, fejn penalty konvertit minn Bustos fil-111 minuta ta r-rebħa lit-tim Xewki.

Carbonaro jiddeskrivi l-finali bħala test ta’ saħħa mentali:

“Meta tmur għall-ħin barrani f’finali, huwa kollu test ta’ karattru. Konna nafu li kull dettall żgħir seta’ jiddeċiedi l-logħba. Il-plejers tagħna wrew qalb kbira u f’mumenti diffiċli żammew il-kalma tagħhom.”

Huwa semma wkoll l-ispirtu tat-tim:

“Dak li għamel id-differenza kienet l-għaqda. Il-klabb kollu kien magħqud, mill-kumitat sal-aħħar plejer. Dik hija l-qawwa ta’ Xewkija.”

Din kienet it-12-il darba li Xewkija Tigers rebħu dan it-trofew, li jikkonferma l-istorja qawwija tagħhom fil-futbol Għawdxi. Carbonaro enfasizza l-importanza ta’ dan il-kisba:

“Meta tirbaħ trofew bħal dan, speċjalment wara staġun twil u diffiċli, is-sodisfazzjon ikun enormi. Din mhix biss rebħa li nistgħu niċċelebrawha llum imma għal snin ta’ xogħol fil-klabb.”

Huwa żied jgħid li l-finali kienet ukoll xhieda tal-kompetittività tal-futbol lokali:

“Qala Saints kienu avversarji denji u ħolqu ħafna problemi. Il-logħba kienet tista’ tmur kull naħa, iżda fl-aħħar irnexxielna nsibu dak il-mument deċiżiv.”

Carbonaro ma naqasx milli jagħti kreditu lill-plejers u lill-istaff tekniku:

“Irrid nirringrazzja lill-plejers kollha għall-impenn tagħhom matul is-sena. Kien hemm ħafna sagrifiċċju. Anke l-istaff kollu, inkluż il-kumitat, ħadem bla waqfien biex jagħti l-aħjar ambjent possibbli.”

Huwa rrikonoxxa wkoll li l-pressjoni kienet parti naturali tal-istaġun:

“Kull klabb li jaspira għall-unuri jrid jitgħallem jgħix bil-pressjoni. Aħna rnexxielna nużawha bħala motivazzjoni aktar milli piż.”

Carbonaro saħaq ukoll fuq kemm hu importanti l-aspett psikoloġiku fil-futbol modern, speċjalment f’kompetizzjonijiet bħall-kampjonat Għawdxi u l-kompetizzjoni Knock-Out.

Hu qal li ħafna drabi l-logħob ma jintrebaħx biss bit-tattika, imma bil-mod kif tim jirreaġixxi taħt pressjoni.

“F’finali bħal din, il-mentalità tagħmel differenza kbira. Meta tkun 1-0 minn taħt, faċli li tkun konfuż u ma tibqax ikkonċentrat iżda żammejna kalmi. Dik kienet il-qawwa tagħna,” spjega Carbonaro.

Huwa semma wkoll l-importanza tad-dressing room u l-plejers sostituti li daħlu u għamlu impatt fil-mumenti kruċjali tal-logħba. Skontu, l-iskwadra twila kien il-fattur ewlieni matul l-istaġun kollu, speċjalment meta kien hemm injuries u sospensjonijiet.

“Meta jkollok skwadra magħquda u kulħadd lest jagħti sehmu, tista’ tilħaq riżultati kbar. Dan l-istaġun kien prova ta’ hekk,” temm jgħid.

Meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu fil-klabb, Carbonaro wieġeb b’ċerta kawtela:

“Il-futur tiegħi? Wieħed għad irid jara. Issa rridu nieħdu ftit mistrieħ wara staġun impenjattiv. Ma jien marbut ma xejn bħalissa, u naraw x’jġib miegħu l-futur.”

Huwa żied li kull deċiżjoni se tittieħed bil-kalma u b’rispett lejn il-klabb:

“L-importanti hu li tkun deċiżjoni maħsuba. Xewkija Tigers huma klabb speċjali, u kull min jaħdem fih irid jagħti 100%.”

Biex itemm l-intervista, Carbonaro bagħat messaġġ ta’ ringrazzjament:

“Nixtieq nirringrazzja lill-kumitat ta’ Xewkija Tigers, lill-plejers, u lill-partitarji kollha. Din ir-rebħa hija tagħhom ukoll. Wara snin ta’ xogħol, fl-aħħar ġibna unur ieħor lejn Xewkija, u dan jagħmilna kburin ħafna.”

Il-kisba ta’ Xewkija Tigers fil-finali tal-BOV GFA Cup tibqa’ mument memorabbli fil-futbol Għawdxi, u l-kliem ta’ Vince Carbonaro juri kemm dan l-unur kien riżultat ta’ xogħol kollettiv, sagrifiċċju u determinazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport