Id-deċiżjonijiet ta’ Luciano Spalletti u r-riżultati tal-Italja fil-partiti tal-UEFA Nations League, jissuġġerixxu li l-karriera ta’ Jorginho mal-Azzurri x’aktarx spiċċat għal kollox.
L-istorja ta’ Jorginho mat-team nazzjonali tal-Italja kienet twila u ta’ suċċess
Il-midfielder imwieled fil-Brażil, ikkontribwixxa b’mod sinifikanti għal trijonf mhux mistenni tal-Euro 2020 iżda minn dakinhar il-karriera tiegħu fl-Italja kompliet għat-telgħa.
L-ex midfielder ta’ Napoli u Hellas Verona falla żewġ penalties fil-partita ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022 kontra l-Isvizzera. Dan ġiegħel lill-Azzurri jgħaddu minn stadju ta’ playoff li fiha ġew eliminati mill-Maċedonja.
Meta f’Settembru 2023, Luciano Spalletti ġie maħtur bħala l-coach nazzjonali, huwa ma sejjaħx lil Jorginho fl-ewwel erba’ partiti tiegħu.
Iżda f’Novembru tal-istess sena huwa sejjaħlu għall-ewwel darba wara li ma kienx kuntent bil-prestazzjonijiet ta’ Bryan Cristante u Manuel Locatelli.
Jorginho lagħab f’seba’ partiti konsekuttivi iżda l-wirjiet tiegħu xejn ma kienu konvinċenti għal Spalletti.
Il-player ta’ Arsenal, kien twaqqa’ fir-round tal-Aħħar 16 tal-Euro 2024 fit-telfa ta’ 2-0 u l-eliminazzjoni kontra l-Isvizzera.
Minn dik l-avventura, Spalletti neħħa tmien players fejn sejjaħ oħrajn ġodda għall-partiti kontra Franza (3-1) u kontra l-Iżrael (2-1) ta’ ftit jiem ilu.
Jorginho, 32 sena, ma kienx imsejjaħ mal-iskwadra u din hija indikazzjoni ċara li l-karriera tiegħu mat-team nazzjonali Taljan tinsab fi tmiemha wara 57 dehra li fihom skorja ħames goals.
Spalletti qaleb għal formazzjoni ta’ 3-5-2, bil-midfielder ta’ Torino, Samuele Ricci, jieħu post Jorginho bħala l-playmaker.
Il-partitarji u l-esperti faħħru lil Ricci għall-aħħar wirjiet tiegħu fejn bosta qalu li kienu impressjonati bil-personalità tal- player ta’ 23 sena.
Ta’ min jinnota wkoll li Spalletti għandu saħansitra aktar għażliet f’din il-pożizzjoni b’Nicolò Fagioli ta’ Juventus għadu fil-konfront għal post tat-tluq, u ftit li xejn iħalli spazju għal Jorginho.
“Il-kwalitajiet ta’ Jorginho ma ħarġux fil-Euro 2024, u rrid nara jekk nistax insib riżorsi oħra fih. Issa, madankollu, hemm uċuh ġodda li huma għatxana għal din il-pożizzjoni. Dawn huma l-players tal-futur,” temm jgħid Spalletti.