Friday, January 31, 2025

WasteServ tippromwovi s-sostenibbiltà permezz ta’ Reuse Centres

Aqra wkoll

Dawn l-aħħar snin sirna aktar konxji tal-ambjent ta’ madwarna. Il-bżonn li nippreservawh, kif wara kollox qawl antik Orjentali jgħid li aħna ma writniex id-dinja u b’kulma fiha minn ta’ qabilna, iżda aktar qed nissellfuha minn dawk il-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu warajna. Għaldaqstant, matul iż-żmien inħolqu diversi inizjattivi bil-għan li ntejjbu l-ambjent li ngħixu fih u nħalluħ fi stat aħjar għal ġenerazzjonijiet futuri.  

Fost dawn l-inizjattivi nsibu Reuse Centres ta’ WasteServ, ċentri fejn wieħed jista’ jsib oġġetti użati li għadhom f’kundizzjoni tajba u li jistgħu jerġgħu jintużaw.  Għalhekk iltqajna mas-Sinjura Davinia Shead, li tagħmel parti mit-tim tar-Relazzjonijiet Pubbliċi fi ħdan WasteServ fejn staqsejnieha fuq dawn iċ-Ċentri.

Is-Sinjura Shead qaltilna li “din l-inizjattiva tmur lura għas-sena 2022 meta nfetaħ l-ewwel Reuse Centre fiċ-Ċentru għall-Iskart Goff ta’ Ħal Far bil-għan li nevitaw kemm jista’ jkun oġġetti li għadhom f’kundizzjoni tajba milli jmorru fil-miżbla. Min dak iż-żmien l’hawn ftaħna tlett Reuse Centres oħra fiċ-Ċentri għall-Iskart Goff ta’ Ħal Luqa, l-Imrieħel, u ġewwa Tal-Kus, fix-Xewkija Għawdex.”

Hija kompliet tispjega kif f’dawn iċ-ċentri tista’ ssib varjetà t’oġġetti minn għamara, ġugarelli tat-tfal, u aċċessorji tad-dekor tad-djar sa instrumenti mużikali u kotba. “Dawn l-oġġetti jistgħu jiġu akkwistati permezz ta’ donazzjoni żgħira bil-flus li jinġabru jiġu investiti fi proġetti u inizjattivi favur l-ambjent. Filfatt l-ewwel inizjattiva se tkun iddedikata biex tiġi salvagwardjata n-naħla Maltija bi proġett ġewwa Wied Fulija fiż-Żurrieq”.

Qaltilna wkoll li sa issa ‘l fuq minn 25,000 persuna żaret dawn iċ-Ċentri u ġew akkwistati ’l fuq minn 32,000 oġġett li għadhom f’kundizzjoni tajba u li minflok spiċċaw fil-miżbla ingħataw ħajja ġdida.

Hija kompliet tgħidilna li dan allura qed “jikkontribwixxi ukoll għal ekonomija ċirkulari. Dan il-kunċett għandu ħafna benefiċċji, kemm għall-ambjent għax l-oġġett baqa’ jintuża minflok inxtara l-ġdid, imma wkoll għall-but, hekk kif wieħed jista’ jakkwista oġġetti ta’ valur bi prezz tassew tajjeb”.

Għalhekk hija appellat biex jekk hemm xi ħadd li għandu oġġetti li għadhom f’kundizzjoni tajba imma għal xi raġuni jew oħra jixtieq jiddisponi minnhom jista’ joħodhom f’wieħed miċ-Ċentri għall-Iskart Goff fejn hemm jista’ jsib kontenituri apposta fejn jista’ jħalli dawn l-oġġetti. Mhux l-oġġetti kollha huma aċċettati bħal affarijiet li jaħdmu bil-batteriji, u apparat elettroniku ieħor, oġġetti relatati mat-trabi bħal car seats u prams. Dan isir minħabba kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà.

Dawn iċ-Ċentri jagħtu wkoll lok għal ħafna kreattività hekk kif ċertu oġġetti bħal għamara bi ftit immaġinazzjoni u xogħol jistgħu jiġu trasformati f’xi ħaġa ġdida u interessanti. Filfatt onlajn wieħed jista’ jsib diversi eżempji ta’ dan. Davinia tinkoraġixxi lil dawk kollha interessati li jidħlu għal proġetti bħal dawn biex iżuru dawn iċ-Ċentri għax żgur li se jsibu xi ħaga tgħodd għalihom. Hi spjegat kif meta qed tuża oġġetti li diġà jeżistu qed tevita l-użu ta’ materjali naturali li wieħed għandu bżonn biex jinħolqu mill-ġdid.

“Għalhekk nħeġġu lin-nies biex iżuru dawn iċ-ċentri li jiftħu kuljum bejn is-7.30 a.m. u l-5.30 p.m., inkuż il-Ħdud u l-festi pubbliċi sabiex aħna ilkoll inkunu qed nikkontribwixxu għal ekonomija ċirkulari u finalment għal ambjent aħjar.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport