Wednesday, July 24, 2024

Waterpolo tal-LEN: Il-Maltin jsofru telfa kbira kontra s-Serbja

Aqra wkoll

Serbja………………21

Malta………………….4

(5-0, 6-1, 5-1, 5-2)

Wara li kiseb rebħa drammatika fit-tieni logħba tiegħu ta’ Grupp C fil-Kampjonati Ewropew tal-Waterpolo tal-LEN li qed isiru f’Zagreb u f’Dubrovnik fejn għeleb lil Iżrael 13-11, it-team Malti ffaċċja l-qawwa tas-Serbja u sofra telfa kbira meta dawn kienu kmandi assoluti tal-partita tant li skorjaw f’intervalli regolari.

Kif kien mistenni l-Maltin spiċċaw fit-tielet post tal-grupp u issa se jilagħbu għall-postijiet mit-13 sas-16.

Is-Serbi mill-ewwel taw indikazzjoni x’kienu l-għanijiet tagħhom meta fetħu l-iskor wara 45 sekonda permezz ta’ Strahinja Rasovic bil-goals ikomplu ġejjin tant li segwew erbgħa oħra minn Dusan Madic, Strahinja Rasovic, Dorde Lazic b’man-up u Nikola Jaksic li għamlu l-iskor 5-0.

Fit-tieni sessjoni s-Serbi sabu x-xibka sitt darbiet oħra fejn bdew Marko Radulovic u Vuk Milajevic 2 u wara dan Jayden Cutajar naqqas il-marġni għal Malta, iżda s-Serbja komplew jiskorjaw minn Strahinja Rasovic, Nikola Jaksic u Sava Randelovic għal 11-1.

Bl-iskor isir 13-1 minn Nemanja Vico u Vuk Milajevic, kien Jake Muscat li skorja t-tieni goal Malti waqt li tlieta oħra minn Marko Randulovic 2, wieħed minn penalty, u Nikola Jaksic għamilhom 16-2 fi tmiem it-tielet sessjoni.

Fl-aħħar sessjoni waslu seba’ goals oħra minn Petar Jaksic, Viktor Rasovic, Sava Randelovic 2 u Vuk Milajevic għas-Serbja waqt li Nikolai Zammit u Jake Cachia b’lob stupend wieġbu għal Malta.

It-team Malti lagħab hekk: Jake Tanti, Gianni Farrugia, Jake Cachia 1, Jake Bonavia, Jake Muscat Melito 1, Jayden Cutajar 1, Jeremy Abela, Nikolai Zammit 1, Darren Zammit, Matthias Azzopardi, Benjamin Busuttil.

Fl-aħħar żewġ sessjonijiet il-coach Milan Cirovic għamel użu mill-goalkeeper Benjamin Busuttil.

Il-goals tas-Serbja ġew minn Vuk Milajevic 4, Strahinja Rasovic 3, Sava Randelovic 3, Marko Randulovic 3, Nikola Jaksic 3, Dusan Mandic 1, Dorde Lazic 1, Peter Jaksic 1, Nemanja Vico 1 u Viktor Rasovic 1.

Referees: Rik Evers (Olanda), Tomislav Copic (Kroazja).

Ekonomija

Sport