Sunday, December 22, 2024

Waterpolo tal-LEN: Illum Malta ttemm kontra l-Iżrael

Aqra wkoll

L-avventura tat-team Malti fil-Kampjonati Ewropej tal-Waterpolo 2024 li qed isiru fil-Kroazja, se tintemm illum meta fil-11.15 am jilgħab fil-partita għall-15-il post kontra l-Iż­rael. 

Din hija l-ħames darba konsekuttiva li Malta qed tieħu sehem f’dawn il-kampjonati li meta nqisu l-livell tagħna, hija kisba kbira.

Iżrael sfaw megħluba 15-9 mis-Slovakkja, team li anke Malta spiċċat rebbieħa kontrih bl-iskor ta’ 13-11 meta kien fit-tielet sessjoni li marru minn fuq biex baqgħu jgawdu l-vantaġġ sat-tmiem.

Il-coach tat-team Malti, il-Montenegrin Milan Cirovic, għandu jqawwi qalbu għall-futur – dejjem jekk jibqa’ fil-kariga biex jara iktar Kampjonati Ewropej u tournaments oħra – meta għandu bosta players promettenti li jistgħu jimmaturaw aktar ma jgħaddi ż-żmien.

Illum il-Maltin għandhom iċ-ċans li jagħmlu doppjetta fuq Iżrael wara r-rebħa li kisbu fuqhom fi Grupp C u fl-istess ħin jevitaw l-aħħar post għalkemm ta’ min jgħid li l-etá medja tal-players hija waħda żgħira.

*Il-bieraħ intlagħbu l-kwarti-finali fejn fl-ewwel tnejn l-Ungerija eliminaw lis-Serbja 15-4 (3-3, 2-2, 4-3, 1-3) wara l-għoti tal-penalties li l-Ungeriżi rebħuhom 5-4.  L-aqwa skorer tal-partita kien Vince Vigvari (Ungerija) b’erba’ goals.

Fit-tieni logħba Spanja kienu tajbin wisq għar-Rumanija meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 24-7 (6-2 4-2,7-1,7-2) fejn hawnhekk l-aqwa skorer kien Alvaro Granados Ortega (Spanja)li sab x-xibka sitt darbiet.

It-tournament tal-irġiel jintemm nhar it- Tlieta f’Zagreb.

Nisa: Spanja u l-Olanda fil-finali tal-lum

Il-kategorija tan-Nisa li qed issir f’Eindhoven, l-Olanda, se tintemm illum meta tin­tlagħab il-finali bejn Spanja u l-Olanda.

Spanja għelbu lil Greċja 13-5 (4-1, 1-1, 4-1, 4-2) waqt li l-Olanda kienu nvoluti f’logħba ferm missielta meta għelbu lill-Italja 7-6 (1-1, 2-2, 2-2, 2-1).

Ekonomija

Sport