Wednesday, July 24, 2024

Wildlife Rescue Malta ssalva mal-492 -il qanfud fl-2023 

Aqra wkoll

Bħal ma tagħmel kull sena, fl-2023, Wildlife Rescue Team Malta rnexxielha ssalva diversi ħlejjaq, fosthom 492 qanfud. Huma spjegaw, kif il-maġġorparti tagħhom, instabu weħidhom, filwaqt li wħud kellhom xi ġrieħi.

Fix-xahar tas-sajf,  huma salvaw mat-62 farfett il-lejl, li kellhom bżonn l-għajnuna għax batew minn nuqqas ta’ ilma minħabba t-temperaturi sħan tas-sajf. Qalu wkoll li wħud mill-friefet il-lejl kellhom bżonn l-għajnuna għax kienu affettwati wara li nqabdu mill-qtates fix-xhur ta’ qabel.

Wildlife Rescue Malta salvat ukoll mal-55 serp li kellhom bżonn l-għajnuna minħabba feriti. Ġew salvati wkoll mal-31 fekruna, li tlieta minnhom ġarrbu ġrieħi serji u 15 oħra ntbagħtu għal rijabilitazzjoni.

F’messaġġ fuq il-midja soċjali, huma apellaw sabiex jekk ikun hemm xi ħadd li jilmaħ xi annimal selvaġġ li jkun midrub jew f’periklu sabiex iċempel lilhom fuq in-numru: 9999 9505.

Fl-istess messaġġ, huma rringrazzjaw lil pubbliku li jikkuntattjahom, lill-voluntiera, lit-tim ta’ salvataġġ u lill-veterinarji tal-koperazzjoni. 

Għal dawk kolha li jixtiequ jagħtu donazzjoni lill-Wildlife Rescue Team jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ trasferiment bankarju jew Revolut fuq l-IBAN: MT18 VALL 2201 3000 0000 4002 353 8289 , Swift code VALLMTMT.

Ekonomija

Sport