Tuesday, November 26, 2024

Wimbledon: Alcaraz, Tsitsipas, Medvedev, Sabalenka u Kvitova jikkwalifikaw

Aqra wkoll

Il-player numru wieħed tad-dinja, Carlos Alcaraz, kiseb l-ewwel rebħa tiegħu fuq is-Center Court hekk kif għeleb lill-Franċiż Alexandre Muller f’sagħtejn u 33 minuta biex għadda għat-tielet round tat-tournament ta’ Wimbledon.

L-Ispanjol ta’ 20 sena rebaħ 6-4 7-6 (7-2) 6-3 kontra n-numru 84 tad-dinja. Alcaraz tilef kontra Jannik Sinner fl-aħħar 16 fuq is-Center Court fl-2022, iżda għeleb lil Muller.

Huwa rebaħ il-logħba tal-ftuħ tiegħu din is-sena fuq Court One nhar it-Tlieta, bir-reb­ħa tal-bieraħ fuq Muller żgur li hija l-ewwel minn ħafna fuq l-aktar palk famuż ta’ dan l-isport.

“Ninsab tassew, tassew kuntent,” qal Alcaraz. “Hija t-tieni logħba tiegħi fuq is-Centre Court u tlift l-ewwel waħda s-sena l-oħra, għalhekk ninsab tassew kuntent li nerġa’ nilgħab hawn.”

It-tamiet ta’ Andy Murray ta’ rebħa tajba fl-10 anniversarju mir-rebħa tiegħu tat-titlu fl-2013 ġew mitmuma mill-ħames seed, il-Grieg Stefanos Tsitsipas, fit-tieni round.

Wara li l-logħob f’Wimbledon twaqqaf fil-11.00 pm nhar il-Ħamis, il-Brittaniku tilef 7-6 (7-3) 6-7 (2-7) 4-6 7-6 (7-3) 6-4 meta l-logħba tkompliet il-bieraħ wara nofs inhar.

Ftit qabel it-telfa ta’ Murray, in-numru wieħed  Britanniku, Cameron Norrie, tilef 6-3 3-6 6-2 7-6 (7-3) kontra l-Amerikan Christopher Eubanks.

Murray, 36 sena, u Norrie, 27 sena, kienu meqjusa bħala l-aqwa tamiet tan-nazzjon ta’ suċċess fis-singles u t-telfiet tagħhom naq­qsu l-ispirtu tal-partitarji lokali fl-All England Club. L-eliminazzjoni tagħhom ħalla lil Liam Broady, l-uniku player lokali fost l-irġiel.

Logħbiet oħra raw rebħiet għat-tielet seed, ir-Russu Daniil Medvedev li għeleb lill-Franċiż Adrian Mannarino 6-3, 6-3 7-6 (7-5) u s-sitt seed, in-Norveġiż Holger Rune, li elimina lill-Ispanjol Roberto Carballes Baena,  6-3, 7-6 (7-3) 6-4, iżda l-15-il seed, Alex de Minaur, ġie megħlub minn Matteo Berrettini.

It-Taljan mhux issidjat, finalista fl-2021 meta tilef kontra Novak Djokovic, kiseb reb­ħa 6-3 6-4 6-4 biex elimina lill-Awstraljan.

Il-Ġermaniż Alexander Zverev kompla għaddej ukoll meta għeleb lill-Ġappuniż Yosuke Watanuki, 6-4 5-7 6-2 6-2.

Is-seed numru 2 tan-nisa, Aryna Sabalenka, irkuprat biex għelbet lil Varvara Gracheva ta’ Franza biex għaddiet għat-tielet round. Il-Belarussa, li tinsab fost il-favoriti, kellha titħabat fil-bidu tal-logħba kontra n-numru 41 tad-dinja f’ġurnata sħuna fuq Court One.

Iċ-champion tal-Australian Open wettqet ħames żbalji doppji fl-ewwel set iżda ġiet f’tagħha biex evitat sorpriża meta rebħet 2-6 7-5 6-2.

Iċ-champion darbtejn f’Wimbledon u seed numru 9, iċ-Ċeka Petra Kvitova, kisbet rebħa faċli meta għelbet lill-Belarussa Aliaksandra Sasnovich, 6-2 6-2 f’74 minuti fis-sħana ta’ filgħodu.

Sadanittant, l-eks numru 2 tad-dinja, l-Ispanjola Paula Badosa, ġiet sfurzata tirtira mil-logħba tat-tieni round kontra l-Ukrena Marta Kostyuk minħabba problemi f’darha b’din tirbaħ 6-2 1-0. Iżda s-seed 26, l-Amerikana Madison Keys avvanzat ukoll b’rebħa 7-5 6-3 fuq l-Isvizzera, Viktorija Golubic.

L-Amerikana Madison Brengle kellha tbaxxi rasha meta ltaqgħet kontra r-Russa, Ekaterina Alexandrova, li ħarġet rebbieħa fi tliet sets li kollha ntrebħu b’tie-break, 6-7    (4-7) 7-6 (7-5) 7-6 (10-7).

Victoria Azarenka tal-Belarus  hija d-19-il seed iżda din is-sena wieħed irid jagħtiha attenzjoni wara li warrbet lir-Russa, Daria Kasatkina, bil-punteġġ faċli ta’ 6-2 6-4.

Rebħa b’sets simili kisbitha Natalija Stevanovic tas-Serbja li għelbet lill-Ġermaniża Tamara Korpatsch 7-5 7-5.

Il-Kanadiża Bianca Andreescu għaddiet ukoll meta għelbet lil Anhelina Kalinina tal-Ukrajna, 6-2 4-6 7-6 (10-7) bħal ma għamlet Dalma Galfi tal-Ungerija kontra l-Ġermaniża Jule Niemiew bil-punteġġ ta’ 4-6 7-6 (7-5) 6-1.

Sport