Niddubita kemm qed jindunaw. Imma dawk li regolarment jiktbu biex jitbekkew fuq is-Sodoma u Gomorrha li skond huma, Malta saret taħt gvern Laburista x’aktarx li qed jagħmlu dannu lill-istess kawża li mingħalihom qed jiddefendu. L-argumenti, l-eżempji, il-kritika u r-retorika ta’ għaġeb u protesta li javvanzaw, tant huma ripetittivi u prevedibbli li saru monotoni. Tista’ tagħraf dil-ħaġa fl-artikli li jippubblikaw f’The Times jew fl-Independent.
Safrattant ukoll hemm żewġ fatturi oħra li jimminaw il-pożizzjoni tagħhom. Taqra x’jiktbu tifhem li għalihom, il-ħsara u d-dnubiet bdew iseħħu kemm ilu fil-kariga gvern Laburista. Kull min għandu rasu fuq għonqu jaf li qabel, kien hemm abbużi rampanti li tħallew għaddejja. Huma fejn kienu dak iż-żmien?
U t-tieni, l-makna ekonomika kienet u baqgħet iddur biżżejjed tajjeb, anke jekk qed toħloq problemi soċjali. Imma qed toffri sens ta’ sigurtà lin-nies, li ftit tagħtihom ħajra biex jaffettwaw ruħhom minn wisq biki.
X’SE JIBQA’ PRIVAT
Minn kullimkien, l-għafsa fuq il-privatezza ta’ kull individwu qed tagħfas u tikber. Kull transazzjoni li nagħmlu bil-karta tal-bank tħalli warajha traċċja ta’ fejn konna u lil min ħallasna. It-telefownijiet li nġorru qed iżommu f’“moħħhom” u jistgħu jittrasmettu informazzjoni dwar minn fejn wieħed ikun għadda u ma’ min tkellem. F’inħawi għall-beraħ jitpoġġew kameras li jirrekordjaw kull ma jiġri quddiemhom.
Sadattant qed tiżdied bil-qawwi l-kapaċità elettronika biex biljuni fuq bil-juni ta’ biċċiet ta’ informazzjoni jinġabu flimkien. Minnhom jinsiltu xenarji u tbassir dwar kif in-nies se ġġib ruħha. Dawn ikunu mibnija mill-istampa dejjem aktar dettaljata ta’ kif int u jien qed ngħixu fil-publiku u fil-privat.
UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI
L-unjoni tas-swieq kapitali fl-(Ewropa (il-capital markets union — cmu) tista’ faċilment titqies bħala s-Cindirella tal-programmi għal aktar għaqda ekonomika u finanzjarja fl-Unjoni Ewropea. Xi wħud jitħajru jagħtu dat-titolu lill-unjoni bankarja. Biss din aktar tista’ titqies bħala l-orfni: l-aqwa u l-aħħar pass li kellha tieħu — biex ikun hemm garanzija Ewropea bla limitu fuq il-flejjes miżmuma fil-banek miċ-ċittadini — baqa’ ma tteħidx.
Min-naħa l-oħra, s-cmu — għalkemm dejjem jintqal kemm hi importanti biex tħaffef l-għaqda finanzjarja tal-Ewropa — baqgħet taqa’ lura u lura. Sal-ġimgħa li għaddiet, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew stqarret fil-Parlament Ewropew li biex jintlaħqu l-għanijiet tal-miri diġitali u ambjentali Ewropej, unjoni tas-swieq kapitali li tiffunzjona, se tkun kruċjali ħalli jinstabu l-ammont enormi ta’ fondi ta’ investment meħtieġa.
U sadattant, il-progress fuq il-proġett tas-cmu baqa’ miżeru. L-aktar li jinġabu bħala proposti huma rtokki ta’ x’diġà sar.