Monday, May 13, 2024

Titħabbar ir-raba’ edizzjoni tal-inizjattiva “Rigal bi Mħabba”

Aqra wkoll

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela ħabbret edizzjoni oħra tal-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’. Proġett li, minn ħolma lura fl-2020, illum wasal fir-raba’ edizzjoni tiegħu.

Fi Pjazza Kastilja, biswit is-siġra tal-Milied, is-Sinjura Abela flimkien mat-tifla tagħha Giorgia Mae u n-nies miġbura segwew b’interess il-prestazzjoni li taw il-kor La Voix Studios; kor li kanta kanzunetti differenti u kien parti mill-ħolma taż-żagħżugħ Jake Vella li jagħmlu kanzunetta lkoll flimkien bl-isem “Inwettqu l-Ħolm.”

F’dan il-kuntest, Dr Abela rringrazzjat lit-tfal kollha li jiffurmaw parti minn dan il-kor taħt id-direzzjoni ta’ Gillian Attard.

“Tassew tfal bravi mimlija b’talent. Nemmen ħafna fit-talent artistiku u dak kreattiv tat-tfal tagħna. Kemm jekk kant u kemm jekk arti, kull talent jesprimi l-ħolm tat-tfal tagħna u jrawwem fihom valuri tant sbieħ. Dan il-vidjo mużikali li għadna kemm rajna jagħti ħajja lill-valuri altruwisti li nħaddnu bħala Maltin u Għawdxin,” qalet mart il-Prim Ministru.

Kienu eluf ta’ familji u negozji Maltin u Għawdxin li fis-snin preċedenti laqgħu l-istedina ta’ Dr Lydia Abela u Giorgia Mae u ħallew ir-rigali għat-tfal taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja.

“Nistqarr li qatt ma bsart li ‘Rigal bi Mħabba’ lura fl-2020 kienet se tikber f’avveniment annwali li jiġi ċċelebrat minn mijiet ta’ familji Maltin u Għawdxin. Bħalma sar is-sena l-oħra, din l-edizzjoni se jkollha l-involviment tal-lokalitajiet kollha u għall-ewwel darba bis-sehem ta’ tfal mimlijin talent li qed iferrħu tfal oħrajn,” qalet Dr Abela.

Is-Sinjura Abela qalet li din l-inizjattiva hija wkoll waħda mill-iżjed għal qalbha. “Ngħid dan għaliex nara fiha ferħ u tbissima ġenwina fuq it-tfal kollha ta’ Malta u Għawdex. Inizjattiva li ma tinsa lil ħadd. Il-familji u n-negozji li pparteċipaw fl-edizzjonijiet preċedenti kienu bl-eluf. Żgur mhux forsi li għall-edizzjoni ta’ din is-sena ħerqana li nara l-istess livell ta’ parteċipazzjoni u attiviżmu. Minn inizjattiva bħal din ninduna kemm il-Maltin u l-Għawdxin għandhom għal qalbhom il-valur soċjali f’pajjiżna, li dawk l-iżjed vulnerabbli fostna jkollhom ukoll iċ-ċans li jifirħu b’rigal tal-Milied,” stqarret mart il-Prim Ministru.

Ir-rigali taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja se jkunu jistgħu jibdew jitpoġġew mit-12 ta’ Diċembru ’l quddiem bil-qofol tal-inizjattiva tilħaq l-għeluq tagħha fil-21 ta’ Diċembru.

“Bħalma kienu l-edizzjonijiet preċedenti ta’ suċċess fl-għeluq tal-kampanja, l-istess qiegħda nagħmel stedina lil familji kollha biex fil-21 ta’ Diċembru tingħaqdu magħna għal ġurnata mimlija attivitajiet b’Villaġġ tal-Milied,” irrimarkat Dr Abela.

Għall-ewwel darba l-Villaġġ tal-Milied se jkun imqassam fuq jumejn jiġifieri bejn l-20 u l-21 ta’ Diċembru. Fl-20 ta’ Diċembru se jittella’ kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Is-Sinjura Abela kkonkludiet billi rringrazzjat lill-Forzi Dixxiplinarji kollha li għenu mill-bidu sal-aħħar fit-tqassim ta’ eluf ta’ rigali fis-snin preċedenti u l-istess se jagħmlu din is-sena.

“Ħafna minn dawn in-nies jagħżlu karriera bħal din bil-għan li jtejbu ħajjet ħaddieħor u li jkunu preżenti biex jgħinu lil dawk fil-bżonn. Dak huwa eżatt li tissimbolizza ‘Rigal bi Mħabba’: li nkunu preżenti għal kulħadd u li nferrħu lil kulħadd fl-isbaħ żmien tas-sena. Kommessi li dan se nagħmluh bis-saħħa ta’ kulħadd,” temmet tgħid Dr Abela.

Sport