Wednesday, July 24, 2024

Xavier Rizzo u Adam Pace għal Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker

Aqra wkoll

Xavier Rizzo u Adam Pace llum ħallew Malta għal Sarajevo fil-Bosnja-Ħerżegovina biex jieħdu sehem fil-Kampjonat Ewropew tal-Juniors tas-Snooker li ser jibda għada. Huma ser jieħdu sehem fil-kategoriji ta’ taħt is-16-il sena u taħt it-18-il sena.

Xavier Rizzo li għandu 15-il sena l-istaġun li għadda rebaħ il-kampjonat nazzjonali ta’ taħt is-16-il sena kif ukoll dak ta’ taħt it-18-il sena filwaqt li Adam Pace li għad għandu 9 snin fl-aħħar sentejn kien ir-rebbieħ fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena.

Adam Pace waqt dawn il-Kampjonati Ewropej ser ikun it-tieni l-iżgħar parteċipant wara Aleksejs Grigoļunovičs tal-Latvja li għandu 8 snin.

Fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena ser jieħdu sehem 61 player minn 20 pajjiż differenti filwaqt li fil-kategorija ta’ taħt it-18-il sena ser ikun hemm 75 player minn 22 pajjiż. B’kollox 48 player li ser jieħdu sehem fiż-żewġ kategoriji filwaqt li barra dawn il-kategoriji hemm ukoll dik ta’ taħt il-21 sena.

Rizzo fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena ser ikun fi Grupp D flimkien ma’ Riley Powell (Wales), Max Kennedy (Irlanda) u Aleksejs Grigoļunovičs (Latvja) filwaqt li fil-kategorija ta’ taħt is-18-il sena ser jilgħab fi Grupp Q u jrid jilgħab kontra Matvei Lagodzinschii (Ukranja), Ayaan Iqbal (Skozja) u Lennart Tomei (Germanja).

Pace fil-kategorija ta’ taħt is-16-il sena kellu polza fi Grupp N u jrid jiltaqa’ kontra Vladislav Gradinari (Moldova), Witold Bystrzycki (Polonja) u Will Taylor (Irlanda ta’ Fuq). Fil-kategorija ta’ taħt is-18-il sena l-avvarsarji tiegħu ser ikunu Artem Surzhykov (Ukranja), Oliwier Niziałek (Polonja) u Tadija Matijasevic (Serbja) li ser jilgħabu fi Grupp H.

Għal Malta and Billiards Snooker Assocation l-għan ewlieni għal partiċipazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ Maltin barra minn xtutna huwa li jibdew jieħdu esperjenza intenazzjonali fil-logħba tas-snooker flimkien ma’ players oħra minn pajjiżi differenti tal-Ewropa, ħafna minnhom diġa huma stabbiliti f’dawn il-kampjonati. Uħud minnhom kienu anke’ Malta s-sena l-oħra waqt il-Kampjonat Ewropew tal-Juniors li kien organizzat f’pajjiżna.

Iż-żewġ players Maltin huma akkumpanjati mid-Direttur tal-Finanzi tal-Malta Billiards and Snooker Association, Christopher Pace.

Ekonomija

Sport