Friday, April 18, 2025

Xejn ma jiġi b’xejn … trid tiddedika ħin sabiex titħarreg f’kull aspett – Leandros Calleja

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta ta’ madwar għaxar snin, il-ġenituri tiegħi kienu niżluni nitħarreġ fin-nursey ta’ Sliema Wanderers u ftit wara man-Naxxar Lions. Peró, jiena waqaft mix-xena tal-futbol għal ftit snin fejn dort għat-track and field fejn bdejt niġri 800m, 1500m u High Jump fuq livell nazzjonali u anke internazzjonali. Ta’ 23 sena iddeċidejt li nerġa’ naqleb għal-logħba tal-ballun peró din id-darba fil-futsal fejn lgħabt ma’ diversi klabbs u anke man-nazzjonal. Ta’ 37 qlibt għall-Masters u wara ftit għall-Veterans, fejn għadni nilghab sa llum.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fil-Malta Veterans kemm ma’ Rabat kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti.

Illum fil-kampjonat tal-Veterani qiegħed nilgħab mar-Rabat Veterans, tim li hu magħmul l-aktar minn eks plejers tar-Rabat Ajax u diversi plejers oħra bħali li ġejjin minn oqsma oħra. Għandna livell tajjeb ħafna u kapaċi nikkompetu ma’ kull tim. Fil-fatt irnexxielna nirbħu l-ewwel Tazza ta’ dan l-istaġun, filwaqt li bħalissa fil-kampjonat ninsabu f’nofs il-klassifika. Min-naha tan-Nazzjonali tal-Veterani nista’ ngħid li għandna tim b’saħħtu ħafna li jinkludi eks plejers tat-tim nazzjonali Malti kemm li għadhom kif jieqfu mix-xena issa u oħrajn li nistgħu insejħulhom leġġendi tal-futbol Malti. Bl-esperjenza ta’ ċerti plejers imħalta mal-enerġija ta’ dawk li għadhom kemm waqfu mill-kampjonat Malti qed jirnexxielna nġibu riżultati ferm tajbin inklużi dawk tal-aħħar fejn irbaħna 7-0 ġo Sqallija u 3-1 ġewwa Sevilla fost l-oħrajn. FIl-kampjonat tal-Masters nilgħab mal-Mosta, fejn bħalissa ninsabu fl-ewwel post tal-klassifika bi 12-il rebħa minn 12-il logħba u 12-il punt vantaġġ fuq it-tieni post, b’logħba iktar għalina.

Kif tqis il-livell ta’ dan il-kampjonat?

Il-livell ta’ dan il-kampjonat huwa wieħed għoli u kompetittiv ħafna u qiegħed jitjieb kull sena. Hemm ħafna eks plejers tal-Premier u tan-nazzjonali kemm tal-futbol u anke tal-futsal. Fil-fatt, kif diġá għidna, dan jirrifletti wkoll fir-riżultati li qed jikseb it-tim nazzjonali tal-veterani.

U dak tal-futbol Malti inġenerali, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-futbol Malti qed isir iktar professjonali kemm mil-lat ta’ finanzi u anke mil-lat ta’ set-up tal-klabbs u sapport li jirċievu l-plejers tul il-ħajja sportiva tagħhom. B’hekk plejer jista’ jikkunsidra l-futbol bħala x-xoghol uniku tiegħu u jiffoka kompletament fuq il-logħba. Rigward it-taħlit u inklużjoni ta’ plejers barranin fil-kampjonati tagħna, jiena nemmen li l-barranin jgħollu l-livell u huma importanti. Peró, iktar ma ninkludu barranin, iktar irridu nagħtu sapport lin-nurseries u l-klabbs Maltin sabiex itellgħu plejers lokali tal-istess livell jew iktar. Irridu nipprovdulhom opportunitajiet sabiex ikunu jistgħu jilagħbu fl-ogħla kampjonati ta’ Malta kif ukoll dawk barra minn Malta. Personalment, naħseb li qegħdin nagħmlu progress f’dan il-lat imma xorta fadlilna naqra mhux ħażin sabiex naslu fejn irridu.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Kuntent ħafna bil-grawnds li nużaw aħna. Huma relattivament ġodda u jkollna l-ħin kollu tagħna anke sabiex nagħmlu warm-up, eċċ. Meta jasal il-logħob tan-nazzjonal nużaw xi grawnds oħra peressli ħafna mil-logħob ikun 11-a-side u dawn ġeneralment ikunu tajbin ukoll. Meta nsiefru barra min xtutna għal-logħob internazzjonali dejjem inkunu trattati b’mod mill-aqwa kemm min-naħa ta’ akkomodazzjoni, kits, management, press u bosta affarijiet oħra.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ovvjament, nixtieq li nibqa’ nilgħab b’mod kompetittiv sakemm nista’ kemm fil-kampjonat lokali kif ukoll man-nazzjonal. Apparti min hekk, kull nhar ta’ Ħamis ikolli logħba futbol ma’ grupp ta’ nies fejn nofshom għandhom ‘il fuq minn 60 jew anke 70 sena, inkluż l-eks kowċ tiegħi, Julian Holland, wieħed minn dawk in-nies li għallmuni u ġiegħluni nħobb l-logħba tal-futbol. Dawn jispirawni bis-sħiħ sabiex bħalhom, nipprova nibqa’ nilgħab l-futbol sa dik l-etá.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Il-messaġġ primarju tiegħi lil xi ħadd li jixtieq jagħmel karriera fil-futbol huwa li xejn ma jiġi b’xejn. Trid tiddedika ħin sabiex titħarreg f’kull aspett – teknika, fiżika, tattika, eċċ. peró qatt tinsa li trid ukoll tistrieħ, tiekol sew u tipprepara ruħek psikoloġikament. Dan l-atteġġjament għandu jiġi integrat bil-mod mill-etajiet bikrija peró importanti li nifhmu li ċerti aspetti huma ferm iktar importanti f’ċerti etajiet (eżempju żvilupp u l-imħabba lejn il-logħba f’etá żgħira) li mbagħad ġeneralment jinbidlu meta wieħed jikber. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport