Minn Cristian Muscat
GZIRA UNITED…………… 0
ZABBAR ST PATRICK…… 0
Gzira United kisbu l-ewwel punt tal-istaġun wara erba’ telfiet konsekuttivi hekk kif spiċċaw fi draw ta’ mingħajr goals kontra Zabbar St Patrick.
Din kienet partita bejn żewġ timijiet li jridu jevitaw l-aħħar postijiet tal-Bottom Six tal-Malta Premier League.
Iż-żewġ naħat dehru ferm beżgħana minn xulxin speċjalment fl-ewwel taqsima anke għax telfa għal wieħed minnhom kienet tikkumplikalhom il-ħajja tagħhom.
Inċidentalment dan kien l-ewwel draw ta’ mingħajr goals f’dan l-ogħla kampjonat Malti kemm ilu li beda l-istaġun il-ġdid.
L-ewwel taqsima kienet waħda nieqsa minn mill-azzjonijiet u kien biss fit-22 minuta li Gzira United heddew il-lasti Żabbarin b’xutt ta’ Luis Gabriel de Souza li l-goalkeeper Patrik Mohorovic salva tajjeb.
Fl-40 minuta reġgħu kienu l-Maroons li kellhom ċans tajjeb fejn wara azzjoni taż-żagħżugħ Brooklyn Borg, kien Mohamed Ange Fofana li kellu x-xutt mill-viċin jispiċċa barra.
Mal-45 minuta, kien Thomas Melillo bl-ewwel azzjoni ta’ Zabbar fejn ix-xutt tiegħu spiċċa ftit barra.
Bl-ewwel taqsima li xejn ma kienet daqshekk eċċitanti, iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu f’paritá ta’ bla goals.
Fit-tieni taqsima, eżattament fis-56 minuta, rajna l-iktar azzjoni perikoluża tal-logħba meta kien Maxuell Maia, li kien għadu kemm daħal, li kien perikoluż fl-azzjoni tiegħu bix-xutt b’saħħtu tiegħu jiġi salvat mill-goalkeeper Żabbari, Patrik Mohorovic.
Disa’ minuti wara, Joao Texeira ta’ Gzira seta’ għamel aħjar meta bir-ras indirizza dgħajjef f’idejn Mohorovic.
Fil-85 minuta kien id-difensur ta’ Zabbar, Strahinja Jovancic, li mblokka fil-ħin tentattiv li seta’ kien perikoluż ta’ Maxuell Maia.
Fil-ħin mogħti żejjed, kien hemm żewġ tentattivi ta’ Maxuell Maia wara free-kick li ħabat mal-barriera u reġa’ gie għand l-istess player li b’xutt mill-ewwel spara l-ballun għoli.
Dak kien kollox minn konfront ferm bilanċjat fejn wieħed jista’ jgħid li punt niżel tajjeb għaż-żewġ timijiet partikolarment għal Zabbar li issa għandhom ħames punti minn ħames logħbiet.
Min-naħa ta’ Gżira, il-problema tidher li qegħda fl-attakk fejn ftit qed ikunu effettivi quddiem il-lasti.
Gzira U.: Edoardo Colombo, Albion Pllana, Gabriel Mentz Bohrer, Deacon Abela, Andrew Borg, Luis Gabriel Moreira de Souza Euphrasio (Francisco Saldanha de Morais 46), Brooklyn Borg (Maxuell Maia 46), João Victor de Souza Teixeira, Filipe Bartolomeu Maio, David Xuereb, Mohamed Ange Fofana (Andre Penha da Costa 67) – Coach: Darren Abdilla
Zabbar SP: Patrik Mohorovic, Karlo Brucic, Nicolas Francisco Lancioni (Shelom Magri 92), Kokola Charles M’Mombwa, Joao Henrique Camargo Mafra (Vinicius Mendonca 72), Jake Micallef, Strahinja Jovancic, Zean Leonardi (Kaiden Fenech 92), Tobias Andre Moriceau Terrazas (Jurgen Pisani 63), Thomas Melillo (Franck Pah Gouhon 63), Mario Fontanella. – Coach: Gilbert Agius
Referee: Glen Tonna
assistenti: Jurgen Spiteri, Max Lee Muscat
Raba’ Uff.: Emanuel Grech
Skorers: Ħadd
Ammoniti: B. Borg (GU); S. Jovancic, K. Brucic (ZSP)
Player tal-Logħba: Strahinja Jovancic (Zabbar St Patrick)




