Saturday, March 22, 2025

X’IFISSER IL-ĦOLQIEN TAL-PARLAMENT EWROPEW?

Aqra wkoll

Wieħed mill-aktar istituzzjonijiet importanti tal-Unjoni Ewropea huwa l-Parlament Ewropew. Kien proprju bħal nhar l-Erbgħa li għadda, 67 sena ilu, meta l-“Assemblea Parlamentari Ewropea” żammet l-ewwel sessjoni tagħha fi Strasburgu, fi Franza. Dan kien meqjus bħala t-twelid tal-Parlament Ewropew. F’din is-sessjoni dakinhar kien tkellem Robert Schuman, li kien ukoll elett bħala l-ewwel President tal-Assemblea.

Bdiet b’142 delegat minn sitt nazzjonjiet u minn dakinhar ’il quddiem kompliet tikber u tiżviluppa f’waħda mill-akbar istituzzjonijiet demokratiċi. Tant hu hekk li llum, il-Parlament Ewropew huwa kompost minn 720 membru eletti direttament bil-vot taċ-ċittadini minn madwar 27 pajjiż imsieħba fl-Unjoni Ewropea.

Dan iwassalna biex nieqfu ftit u nirriflettu dwar l-irwol li għandu l-Parlament Ewropew, x’inbidel minn 67 sena ilu sal-lum, x’effetti jħallu ċertu liġijiet fuq iċ-ċittadini u x’għanijiet komuni jridu jaħdmu għalihom il-Membri Parlamentari Ewropej. 

Illum aktar minn qatt qabel, il-Parlament Ewropew jilgħab rwol kruċjali fit-tfassil tal-futur tal-Ewropa billi jirrappreżenta liċ-ċittadini f’dawk id-deċiżjonijiet li huma l-aktar importanti. Il-Parlament Ewropew huwa wkoll il-Korp li jissorvelja l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea saħansitra li anke japprova l-budget tal-UE.

Malta għal dawn l-aħħar snin kellha rabta mill-Parlament Ewropew mhux biss bħala membru sħiħ tal-UE imma wkoll billi l-President tal-Parlament Ewropew hija Maltija. Apparti minn hekk, ir-rappreżentanti ta’ pajjiżna fil-PE dejjem ħadu sehem attiv f’dak kollu li jiġi diskuss f’din l-istituzzjoni u anke f’Kumitati li joħorġu minnha. 

Bil-ħila ta’ xi wħud mill-MEPs Maltin, iddaħħlu miżuri li kellhom effett pożittiv fuq iċ-ċittadini b’mod inġenerali fosthom iċ-charger komuni, id-Direttiva dwar ir-Right to Disconnect u d-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja. Dan apparti l-interventi li jagħmlu dwar pożizzjonijiet li jkunu tressqu minn Membri Parlamentari Ewropej oħra. 

Għalhekk, din l-istituzzjoni għandha tassigura li żżomm ‘il bogħod minn kull skandlu jekk trid tibqa’ rilevanti u għassiesa ta’ dak li jseħħ fil-kontinent Ewropew. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport