Saturday, May 4, 2024

X’inhu għaddej f’Cannes?

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Nhar is-Sibt li ġej tintemm il-75 edizzjoni tal-festival ta’ Cannes. Dan ilu għaddej mis-17 ta’ Mejju.

Bil-pajjiżi kollha, inkluż Franza, li qed jippruvaw imorru għall-ħajja normali ta’ qabel bdiet il-pandemija, dan il-Festival kien turija tal-għajxien qabel ma ssakkarna ġewwa u ċċaħħadna mill-attivitajiet tal-massa.

Fl-ewwel ġimgħa, spikka f’kull sens id-debutt fl-Ewropa ta’ “Top Gun: Maverick”.  Tom Cruise rċieva ovazzjoni ta’ ħames minuti u anke l-famuża Palma tad-Deheb li hi simbolu ta’ dan il-festival. L-F-18s tal-qawwa Amerikana ma kinux preżenti imma ġie onorat bil-Fighter Jets Franċiżi li ħallew fis-smewwiet daħna tal-kuluri blue, abjad u aħmar. F’waħda mill-intervista li ta Tom Cruise, huwa insista li qatt ma aċċetta li jħalli l-film jintwera fuq pjattforma diġitali qabel joħroġ fit-teatri.  “Top Gun: Maverick” kien ippjanat li joħroġ għall-wiri f’Ġunju 2020.

Tom Cruise mal-co-star Jennifer Connelly mal-wasla f’Cannes

Illum ġewwa Cannes hemm stennija kbira għall-debutt ieħor kbir. Dan hu għall-film “Elvis” bl-attur Austin Butler fil-parti tal-kantant ġenju li għalkemm ilu mejjet kważi 45 sena, xorta għadu popolari. F’dan il-film, jidher ukoll Tom Hanks, f’parti mportanti tal-kurunell Tom Parker, li kien il-manager ta’ Elvis.

Il-kontroversji qatt ma jonqsu fil-festival ta’ Cannes. Għalkemm uffiċċjalment il-festival ma ħallix nies prominenti mir-Russja jattendu, xorta tħalla l-film “Tchaikovsky’s Wife” jieħu sehem fil-parti kompetittiva tal-festival.  Dan il-film bijografiku hu ffinanzjat mill-oligarku Roman Abramovich.  Nies mid-dinja tal-films Ukrena talbu biex dan il-film jiġi bbojkottjat. Il-President tal-European Film Academy, il-Pollakka Agnieska Holland, ikkritikat bil-qawwa d-diriġenza tal-festival talli inkludiet dan il-film fil-kompetizzjoni.

Ġie nnutat li rappreżentanti tas-sidien tat-teatri Russi kienu jħufu fuq ir-Riviera Franċiża sabiex jixtru l-films biex jintwerew fir-Russja. Dan għax Hollywood impona bojkott sabiex ebda film Amerikan ma jitħalla jintwera fir-Russja u s-sidien Russi qed jikkalkulaw li ser ikollhom mal-$179 miljun anqas f’dak li hu qligħ.

B’kollox hemm 21 film jikkompetu għall-unur għall-aħjar film fejn il-premju hu f’forma ta’ Palma tad-Deheb.

Waħd mir-regoli tal-festival hi li biex film jikkwalifika għall-parti kompetittiva ma jrid ikun intwera imkien qabel.  Ħafna mill-films ikunu ġejjin minn diversi pajjiżi. 

Wieħed mill-films li qed iqajjem ħafna interess hu “Crimes of the Future” tad-direttur David Cronenberg bl-atturi Lea Seydoux, Viggo Mortensen u Kristen Stewart.  Dan ser jintwera llum lill-ġurija mmexxija mill-attur u direttur Franċiż Vincent Lindon.  Mingħand Cronenberg, dejjem tistenna xi ħaġa eċċentrika u l-isem tal-film diġa jagħtik x’tifhem li xi ħaġa tal-orrur tispikka fih.

Film ieħor li diġa qajjem interess għax diġa ntwera lill-ġurija hu “Armageddon Time” tad-direttur James Gray.  Il-film hu semi-aawtobijografiku dwar meta kien jattendi skola f’Queens fit-tmenijat immexxija minn missier Donald Trump. Sir Anthony Hopkins, Anne Hathaway u Jessica Chastain hu l-protagonisti.

Film Ġappuniż dejjem joħloq interess f’Cannes. Għada jiddebutta quddiem il-ġurija “Broker” tad-direttur Hirokazu Koreeda li fl-2018 rebaħ f’dan il-festival meta kien ikkompeta b’“Shoplifetrs”. Il-film jirrakonta ġrajja dwar nies li jħallu t-trabi tagħhom fil-kaxxi biex jiġu mrobbija minn familji oħra.

Il-thriller romantiku Franċiż “Stars at Noon” ser ikun qed jikkompeti u muri lill-ġurija din il-ġimgħa. Hu maħdum mid-direttur rispettata Claire Denis. In-narrattiva teħodna fi żmien ir-rivoluzzjoni Sandinista fil-Nikaragwa fl-1984 fejn neguzjant misterjuż Ingliż u ġurnalist Amerikan jiddeċidu li jsegwu l-ġrajjiet politiċi.  

It-Taljani huma rappreżentati b’“Nostalgia” tad-direttur Mario Martone. Huwa jsellem l-belt ta’ twelidu Napli wara li jkun ilu nieqes minn hemm għal 40 sena.

Film ieħor interessanti hu “Leila’s Brothers” tad-direttur Iranjan Saeed Roustayi.  Il-film jeżamina t-tbatija ekonomika ta’ familja f’pajjiż milqut minn sanzjonijiet internazzjonali.

Il-film drammatiku “Holy Spider” li ntwera lill-ġurija l-Ħadd rċieva ħafna tifħir imma kien hemm telaq ukoll mis-sala bi protesta. Maħdum mid-direttur Daniż-Iranjan Ali Abbasi, il-film jirrakkonta is-sejba ta’ 16-il prostituta li nstabu mejta fil-belt reliġjuża ta’ Mashhad.  Dan seħħ fil-bidu ta’ dan is-seklu. Il-film hu kontroversjali għax mar wisq fl-estremità ta’ sess, nudità u vjolenza.

Qabel beda l-film, grupp ta’ 12-il mara għamlu protesta quddiem il-Palazz fejn isir il-festival u urew lista ta’ ismijiet ta’ 129 mara li kienu vittma ta’ femiċidju ġo Franza. Skont dan il-grupp li pprotestaw, dawn in-nisa kollha nqatlu minn meta saret l-aħħar edizzjoni tal-Festival ta’ Cannes.

Sport