Fid-29 ta’ Jannar li għadda ħabta bejn ajruplan tal-passiġġieri tal-American Airlines u ħelikopter tal-armata Amerikana kkawżat il-mewt ta’ dawk kollha abbord iż-żewġ titjiriet. Dan kien l-aktar tiġrif tal-ajru fatali fl-Istati Uniti mit-12 ta’ Novembru tal-2001 meta ajrulan kien iġġarraf f’żona viċin New York ftit wara t-tluq u qatel il-260 persuni abbord u ħamsa oħra fuq l-art.
Ma kien hemm ebda tiġrif fatali minn linja tal-ajru Amerikana minn Frar tal-2009. Iżda, dan l-aħħar inċident ikrah fl-ajru ma kienx l-unika wieħed. Mill-bidu tal-2025, tali problemi fl-avjazzjoni rajnihom iseħħu pjuttost ta’ spiss, f’ċirkostanzi strambi f’diversi pajjiżi. Sitwazzjoni fejn għandna sensiela ta’ inċidenti tal-ajru li qegħdin iqajmu l-mistoqsija ta’ x’inhu jiġri eżattament fl-ajru flimkien ma’ biżgħa li tali vjaġġjar jista’ jkun li m’għadux daqstant sigur.
Jingħad li l-ivvjaġġar bl-ajruplan huwa aktar sigur minn dak bil-karozza. Dan minħabba li tiġrif fatali ta’ ajruplani huwa rari ħafna u għalhekk meta jseħħ wieħed, imbagħad ieħor u jkomplu, dawn jiġbdu attenzjoni kbira. Huwa rrapportat li f’dawn l-aħħar snin il-linji tal-ajru ftit li xejn kellhom inċidenti fatali kbar iżda fl-ewwel xahrejn tal-2025 seħħu għadd ta’ inċidenti tal-ajru “strambi” li qegħdin iqajmu tħassib.

Skont informazzjoni mill-Bord għas-Sigurtà tat-Trasport Nazzjonali, fl-2025 fl-Istati Uniti waħdu, s’issa, kien hemm total ta’ 113 inċidenti tal-avjazzjoni, 15 minnhom fatali. 63 mill-inċidenti seħħu f’Jannar mentri l-bqija, 50, seħħu fi Frar. Żewġ inċidenti mhux fatali kienu rrapportati f’Massachusetts. Fis-sena ta’ qabel, l-inċidenti tal-ajru ammontaw għal 1,425 li minnhom 261 kienu fatali.
Sensiela ta’ inċidenti
Meta wieħed jagħti ħarsa lejn l-inċidenti tal-ajru li seħħu mhux biss fl-Istati Uniti imma anke f’pajjiżi oħra, jifhem għala hemm ċertu tħassib. Nibdew b’dak fit-8 ta’ Jannar 2025 fejn ajruplan żgħir iġġarraf f’żona turistika fl-Awstralja u fih tilfu ħajjithom tliet persuni. Jumejn wara, fl-10 ta’ Jannar 2025 pilota tilef ħajtu u mill-inqas erba’ passiġġieri weġgħu wara li fil-Brażil, jet privat, Cessna 525, ipprova jagħmel inżul fuq runway imxarba. Dan ma waqafx fil-ħin bil-konsegwenza li ġġarraf ma’ ċint.
Fid-28 tal-istess xahar l-ajruplan tat-titjira internazzjonali 391 ta’ Air Busan ħa n-nar ftit wara t-tluq mill-ajruport internazzjonali Gimhae f’Busan fil-Korea t’Isfel. F’dan l-inċident weġġgħu seba’ persuni u ġew evakwati l-176 persuna abbord. L-għada, fl-Alaska, ajruplan tal-gwerra F-35 iġġarraf. F’dan l-inċident ħadd ma miet jew weġġa’ u r-raġuni li waslet biex jiġġarraf inħarġet li kien difett tal-manifattura li kkawżat nirien fil-makna waqt it-titjira. Fl-istess jum iżda fin-Nofsinhar tas-Sudan, ajruplan tal-għamla Beechcraft 1900D iġġarraf fil-Unity State b’konsegwenza li mietu 20 minn 21 persuna abbord.
L-għada seħħ l-inċident fl-ajru li semmejna aktar ‘il fuq viċin Washington DC. It-tiġrif tal-American Airlines 5342 wassal għall-mewt tal-64 passiġġieri tal-ajruplan kummerċjali u tlieta oħra li kienu fuq il-ħelikopter. Fil-31 ta’ Jannar imbagħad iġġarraf ajruplan ta’ sokkors mediku, il-Med Jets Flight 056. Hawn mietu total ta’ seba’ persuni, sitt passiġġieri li kienu fuq l-ajruplan u persuna oħra li kienet f’karozza fejn seħħ l-inċident. Il-kawża ta’ x’wassal biex dan l-ajruplan waqa’ u sar ballun tan-nar, għadha mhiex magħrufa.
Ikomplu fi Frar…
Fis-4 ta’ Frar l-ajruplan Ċessna 208B Grand Caravan tal-Bering Air għeb minn fuq ir-radar waqt titjira ta’ 150 mil minn Unalakleet, villaġġ b’madwar 700 residenti għall-ajruport Nome, fl-istat Amerikan tal-Alaska. F’dan l-inċident ikrah mietu l-għaxar persuni abbord li nstabu u ġew identifikati wara tfittxija intensiva mill-awtoritajiet. Fis-6 ta’ Frar ajruplan Beechcraft 350 King Air operat minn kuntrattu tad-Difiża Amerikan iġġarraf f’Ampatuan fil-Filippini u mietu erba’ persuni. Mentri, fl-14 tal-istess xahar persuna tilfet ħajjitha f’inċident tal-ajru ta’ ajruplan Cessna 208A Cargomaster, N40EA. Dan inqered kompletament wara li iġġarraf f’żona mimlija siġar ħdejn Codys Corner, Florida.
Wieħed mill-aktar inċidenti tal-ajru li ġibed attenzjoni kien dak li seħħ fis-17 ta’ Frar. F’dan kellna xena mhux tas-soltu fejn ajruplan kummerċjali tad-Delta Airlines spiċċa maqlub wiċċu ‘l fuq f’runway mimlija silġ f’Toronto. F’dan l-inċident fl-ajruport internazzjonali Pearson, l-ajruplan skiddja fuq ir-runway u malli waqaf, inqalgħeb ta’ taħt fuq. Ix-xena drammatika nġibdet fuq vidjow mill-kontrolluri tal-ajru. Hawn weġġgħu 21 persuna, tnejn minnhom gravi.
Jumejn wara, eżattament fid-19 ta’ Frar f’Arizona, fl-Istati Uniti, żewġ ajruplani ħabtu fl-ajru. Dan l-inċident seħħ fl-ajruport reġjonali ta’ Marana. Inċidenti tal-avjazzjoni oħra jinkludu wieħed li seħħ fl-ajruport ta’ Seattle fejn ajruplan tal-linja tal-ajru Ġappuniża miss ajruplan Delta li kien ipparkjat; wieħed fl-ajruport ta’ Houston fejn problema fil-makna kkawżat nar fuq il-ġwejnħa tal-ajruplan. Imbagħad, tiġrif ieħor seħħ fil-25 ta’ Frar. Hawn ajruplan tal-qawwa tal-ajru Sudaniż tat-tip Antonov An-26, iġġarraf ftit wara t-tluq mill-bażi Wadi Seidna. L-awtoritajiet lokali kkonfermaw li mill-inqas 46 persuna tilfu ħajjithom f’dan l-inċident.
L-aktar inċident tal-ajru riċenti seħħ proprju ftit tal-jiem ilu. Fl-1 ta’ Marzu, ajrupan tal-kumpanija FedEx kellu jagħmel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport bieżel ta’ New Jersey wara li l-makna ħadet in-nar. Skont ma ġie rrapportat, il-makna ħadet daqqa minn għasfur, sofriet ħsarat u qabdet. Fortunatament, f’dan l-inċident ħadd ma weġġa’ jew tilef ħajtu.
Tiżdied it-tfittxija fuq Google…
“Sigur li tivjaġġa bl-ajru?”
Din is-sensiela ta’ inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni kemm militari, privat u aktar minnhekk, pubbliku, qiegħda tikkawża biża’ fost in-nies li jużaw dan il-mezz biex jivjaġġaw minn post għall-ieħor. Iċ-ċittadini Amerikani huma rrapportati mħassba dwar is-sigurtà tal-ivjaġġjar bl-ajru. Fil-fatt, it-tfittxija fuq Google għall-mistoqsija jekk “huwiex sigur li tivjaġġa bl-ajru” f’dawn l-aħħar ġimgħat żdiedet ħafna. Iżda, dan it-tħassib mhuwiex biss fost iċ-ċittadini Amerikani. Fil-fatt, fuq il-midja soċjali, nies minn pajjiżi differenti qegħdin iqajmu mistoqsijiet u jiddiskutu bejniethom għala dan l-aħħar qegħdin jiġġarfu tant ajruplan.
Dan aktar u aktar hekk kif f’dawn l-aħħar xhur fis-smewwiet ġew irrapportati attivitajiet mhux tas-soltu b’numru kbir ta’ drones u UAPs li bdew jidhru inizjalment fi New Jersey fl-Istati Uniti u mbagħad infirxu wkoll f’pajjiżi oħra. Il-biżgħa ta’ ħafna persuni hija li jista’ jkun hemm xkiel jew ħsarat fl-ajruplani proprju minħabba interferenzi minn dawn l-anomaliji fl-ajru.
Teorija oħra li qiegħda tissemma’ hija dik li l-ajruplani qegħdin jiġu mgħammra u “ittestjati” b’sistema avvanzata tal-Intelliġenza Artifiċjali u li din għadha mhiex affidabbli biżżejjed li tieħu l-kontroll tal-ajruplani.
Id-data turi mod ieħor…
Minkejja din il-biża’, informazzjoni miġbura mill-Bord għas-Sigurtà tat-Trasport Nazzjonali turi li s-sena 2025 fil-verità, s’issa, hija relattivament sena sigura biex tivjaġġa bl-ajru. Dan almenu meta wieħed jara l-ammont kollu ta’ inċidenti tal-ajru li seħħu tul is-snin.
“The Guardian” ikkwota data pprovduta minn dan il-Bord fejn “normalment ta’ kull xahar, f’Jannar u Frar ikun hemm madwar 20 inċidenti tal-ajru fatali. B’kuntrast, ikompli l-istess rapport, f’Jannar li għadda kien hemm biss 10 inċidenti tal-ajru fatali u fi Frar kien hemm sitta.
L-informazzjoni miġbura tkopri s-settur tal-avjazzjoni kollu tal-Istati Uniti, minn ajruplani kummerċjali kbar għal ajruplani żgħar privati. Ta’ min jinnota però li din l-informazzjoni tagħti biss ħarsa lejn in-numru tal-inċidenti fatali u mhux in-numru tal-mejta. Parti mir-raġuni tad-diżastri li seħħu fis-settur tal-avjazzjoni din is-sena kien l-ammont xokkanti ta’ nies li mietu fl-inċident ta’ Washington u warajh fl-Alaska. Dawn iż-żewġ inċidenti ħasdu lill-Istati Uniti għax kienu fost l-aktar traġiċi għal dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar 10 snin.
Finalment, fattur li wieħed irid jikkonsidra huwa l-fatt li llum il-ġurnata, grazzi għall-ismart phones u l-internet, qegħdin jittieħdu aktar vidjows u jixxandru online. Dawn jiċċirkolaw mal-erba’ kantunieri tad-dinja f’leħħa. Nafu li bl-avvanz tat-teknoloġija l-informazzjoni nfirxet sew u allura qegħdin insiru nafu aktar b’dawn l-inċidenti. Tista’ tgħid sal-inqas wieħed minnhom. Ir-riżultat ta’ dan huwa li dawn l-avvenimenti jidhru li qegħdin iseħħu aktar ta’ spiss. Imma, il-verità hija li llum il-ġurnata aħna aktar esposti għal dawn id-diżastri kif ukoll esposti aktar minn qatt qabel għal dettalji grafiċi fir-rigward.