Waqt avveniment organizzat minn Xjenza Malta, li għaliha kien hemm preżenti l-Ministru Clifton Grima u l-Ministru Malcolm Paul Agius Galea, ġiet imnedija s-Sħubija Ewropea għall-Wirt Kulturali Reżiljenti. Din is-sħubija hija kofinanzjata mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ Horizon Europe, il-programm ewlieni tal-Unjoni Ewropea għar-riċerka u l-innovazzjoni.
Din is-Sħubija għandha l-għan li tenfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jitħares il-wirt kulturali minn sfidi bħat-tibdil fil-klima u pressjonijiet oħra ambjentali.
Matul perjodu ta’ disa’ snin, bejn l-2026 u l-2035, is-sħubija se tlaqqa’ flimkien 90 organizzazzjoni minn 30 pajjiż differenti biex jikkollaboraw fir-riċerka, jiskambjaw l-għarfien u jiżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi li jsaħħu l-protezzjoni u r-reżiljenza fit-tul tal-wirt kulturali.
Il-parteċipazzjoni ta’ Malta, iffaċilitata u kkoordinata minn Xjenza Malta, tirrifletti l-importanza li jiġi protett il-wirt kulturali rikk ta’ pajjiżna, inkluż il-bini storiku, is-siti arkeoloġiċi, il-wirt storiku u arkeoloġiku ta’ taħt il-baħar, l-għarfien tradizzjonali u l-prattiki kulturali.
Il-Gvern alloka €3.5 miljun fuq seba’ snin biex Malta tipparteċipa fis-Sħubija, inkluż €500,000 għall-ewwel sejħa, biex tissaħħaħ il-kapaċità nazzjonali tar-riċerka u l-kollaborazzjoni internazzjonali f’dan il-qasam.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, enfasizza l-kontribut kritiku tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-ħarsien tal-wirt kulturali. “Dan l-avveniment jimmarka pass importanti fil-parteċipazzjoni ta’ Malta f’inizjattiva Ewropea li tiġbor flimkien ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, bil-għan li jiġu indirizzati wħud mill-isfidi l-aktar urġenti li jaffettwaw il-wirt komuni tagħna. Ix-xjenza u t-teknoloġija jgħinu biex nifhmu l-impatt fuq il-wirt tagħna, nidentifikaw ir-riskji emerġenti u niżviluppaw miżuri preventivi. Madankollu, il-ħarsien tal-wirt tagħna jitlob aktar minn sempliċi teknoloġija. Jeħtieġ kollaborazzjoni bejn xjentisti u storiċi, inġiniera u konservaturi, awtoritajiet pubbliċi u negozji, riċerkaturi u komunitajiet. Irridu ngħaqqdu għarfien ġdid mal-kompetenza tradizzjonali u skoperta xjentifika mal-esperjenza prattika. Dan l-approċċ huwa l-bażi tal-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Sħubija Ewropea għal Wirt Kulturali Reżiljenti,” sostna l-Ministru Grima.
Il-Ministru għall-Arti, il-Kultura u l-Wirt Nazzjonali Malcolm Paul Agius Galea, saħaq dwar l-importanza li jiġi ppreservat il-wirt kulturali ta’ Malta. “Il-wirt kulturali tagħna mhuwiex biss riflessjoni tal-istorja u tal-identità nazzjonali tagħna, iżda wkoll wirt li għandna r-responsabbiltà li nħarsu u nissalvagwardjaw għall-ġenerazzjonijiet futuri. Hekk kif it-tibdil fil-klima qed joħloq sfidi ġodda għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali tagħna, jeħtieġ li nsaħħu l-impenn tagħna lejn il-konservazzjoni sostenibbli, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fis-Sħubija Ewropea għall-Wirt Kulturali Reżiljenti tirrappreżenta opportunità importanti sabiex nibnu fuq l-isforzi li diġà qed nagħmlu fuq livell nazzjonali, naqsmu l-għarfien espert mal-imsieħba Ewropej tagħna u niżviluppaw soluzzjonijiet innovattivi li jiżguraw li l-wirt kulturali tagħna jibqa’ protett, reżiljenti u aċċessibbli għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” sostna l-Ministru Agius Galea.
Waqt l-avveniment, Gaia Gurrieri mit-Taqsima tal-Internazzjonalizzazzjoni ta’ Xjenza Malta tat spjegazzjoni tal-opportunitajiet għall-komunità Maltija tar-riċerka permezz ta’ din is-Sħubija. Il-parteċipanti ngħataw ukoll informazzjoni dwar l-ewwel sejħa għall-proposti ta’ proġetti li se tindirizza r-riskji relatati mal-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-ħsara, l-għarfien tradizzjonali, ir-reżiljenza għall-klima u l-governanza tal-wirt sostenibbli, filwaqt li tħeġġeġ ir-riċerka u l-kollaborazzjoni interdixxiplinari.
Permezz tal-parteċipazzjoni tagħha, Xjenza Malta tafferma mill-ġdid l-impenn ta’ Malta għall-kollaborazzjoni Ewropea fir-riċerka u l-ħarsien tal-wirt kulturali għall-ġenerazzjonijiet futuri.
