Sunday, November 24, 2024

Xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni biex dan il-ġnien pubbliku jsir aktar sigur u aċċessibbli

Għaddejja r-riġenerazzjoni tal-Ġnien tal-Indipendenza ta’ Birżebbuġa

Aqra wkoll

Ir-riġenerazzjoni li għaddejja ta’ Ġnien Indipendenza, wieħed mill-aktar ġonna popolari ta’ Birżebbuġa, se tagħti ħajja ġdida lil dan l-ispazju miftuħ, b’aktar ħdura, faċilitajiet imtejba u aċċessibbiltà akbar għal kulħadd.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli, il-Kap Eżekuttiv ta’ Proġett Green Joseph Cuschieri, is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri flimkien ma’ membri mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa żaru l-ġnien biex jaraw ix-xogħlijiet li għaddejjin. Tul din iż-żjara ltaqgħu wkoll mat-tim ta’ Project Green li qed jikkoordina x-xogħlijiet.

Ġnien l-Indipendenza, ta’ 1,500 metru kwadru, ilu jservi bħala post ta’ divertiment u rilassament għall-komunità lokali. Madankollu, iż-żona kellha bżonn titjib u tiswijiet kbar, peress li xi strutturi tagħha kienu qed isiru mhux siguri għall-viżitaturi.

Proġett Green qed jirriġenera dan il-ġnien b’rampi ġodda għal aktar aċċessibbiltà’ żoni ġodda pavimentati, canopies għad-dell, sistemi ġodda ta’ irrigazzjoni, siġar u arbuxelli ġodda, u titjib ieħor.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ Project Green u entitajiet oħra, il-Gvern qed jimplimenta investiment bla preċedent fil-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda fil-komunità, kif ukoll intejbu dawk eżistenti.

“Qed inżidu ħafna parks għall-familji ġodda, bħall-Park tal-Familja f’Bengħajsa, li ftaħna f’dan il-lokal is-sena li għaddiet. Madankollu, nagħrfu wkoll li ġonna iżgħar fiż-żoni residenzjali tagħna huma spazji miftuħa essenzjali għall-komunitajiet tagħna. Dawn huma l-postijiet fejn ħafna nies jieqfu għal ftit minuti ta’ mistrieħ, fejn it-tfal jiġu jilagħbu ma’ tfal oħra fl-istess inħawi, fejn jiltaqgħu l-familji u l-ħbieb. Għalhekk qed inżidu ħafna minn dawn l-ispazji f’lokalitajiet differenti. Qed naħdmu wkoll ma’ stakeholders differenti biex nirrinovaw dawk li diġà għandna, biex ikunu aktar sostenibbli, aktar siguri u aktar komdi,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Jessica Galea, il-Perit fi Project Green, tkellmet dwar l-impenn tal-aġenzija li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti permezz tal-implimentazzjoni ta’ proġetti ħodor. Hija kompliet tenfasizza l-importanza li niżguraw li l-proġetti jkunu aċċessibbli, sabiex inrawmu komunitajiet sostenibbli u ambjent isbaħ għal kulħadd; “l-aċċessibbiltà hija fattur importanti fil-missjoni tagħna, hekk kif inkomplu naħdmu biex nieħdu ħsieb l-ambjent, fejn ir-residenti jkunu jistgħu jingħaqdu man-natura, filwaqt li nrawmu ambjent aktar b’saħħtu u sostenibbli għal kulħadd,” saħqet il-Perit Galea.

Bħalissa l-aġenzija hija impenjata f’diversi proġetti ambjentali f’Malta u Għawdex, fosthom it-trasformazzjoni mħabbra dan l-aħħar ta’ 8,000 metru kwadru ta’ art li tista’ tiġi żviluppata fi spazji miftuħa ġodda għar-residenti ta’ Ħal Lija, Ħal Luqa, ta’ Ġiorni f’ San Ġiljan u Ħal Kirkop. Ix-xogħlijiet preparatorji biex jinfetħu dawn l-ispazji miftuħa ġodda għaddejjin ġmielhom.

Aktar kmieni din is-sena, Project Green fetħet l-ewwel ġnien f’Malta li jiffoka fuq l-importanza tad-dakkir u n-naħla Maltija – spazju miftuħ ta’ 1,000 metru kwadru li fih esperjenza edukattiva unika dwar l-importanza tan-naħal u d-dakkir għall-bijodiversità ta’ Malta. Fl-2023, il-Proġett Green fetħet diversi parks u ġonna pubbliċi oħra ġodda, u b’hekk żiedu 40,000 metru kwadru ta’ spazji miftuħa f’lokalitajiet differenti.

Għal aktar informazzjoni, żur project.green u segwi l-Project Green u Sostenibilità socials.

Sport