Sunday, November 24, 2024

Xolt il-ġuri f’każ ta’ traffikar ta’ droga, ġurat jibqa’ fl-awla waqt bidla fl-akkużi

Aqra wkoll

Il-ġuri li bdew għaddejjin 3 persuni li qed jiġu akkużati b’5 kapi ta’ akkużi fosthom bi traffikar ta’ droga Ecstasy ġie xolt. Dan hekk kif ġurat li kien fil-lista ta’ riserva ma ħarġitx mill-awla meta bdew isiru tibdiliet fl-att tal-akkużi.

Hu stqarr li ma kienx konxju ta dak li ntqal fl-awla għax kien qiegħed jilgħab video game fuq il-mobile, iżda d-difiża talbet għal xoljiment tal-ġuri. Kien għalhekk li l-Imħallef Edwina Grima ordnat li dan il-ġuri jiġi xolt għax ma kellix is-serħan il-moħħ li l-ġurat ma tkellimx mal-ġurati l-oħra nkluż mal-ġurati fir-riżerva.

B’hekk it-tliet akkuzati mill-ġdid ingħataw il-ħelsien mill-arrest b’għadd ta’ kundizzjonijiet.

Aktar kmieni: Tliet persuni jibdew għaddejjin ġuri b’rabta ma’ traffikar ta’ droga

Dalgħodu beda l-ġuri fil-konfront ta’ 3 persuni li qegħdin jaffaċjaw akkużi ta’ traffikar ta’ droga. L-akkużati huma Rio Micallef ta’ 41 sena, David Tabone ta’ 40 sena, Darren James Vella ta’ 34 sena, li qed jiġu akkużati b’5 kapi ta’ akkużi fosthom bi traffikar ta’ droga Ecstacy.

Rio Micallef waħdu qiegħed jiġi akkużat li fil-pussess tiegħu kellu madwar 1,940 pillola MDMA, li fis-suq miftuħ kienu jġibu l-prezz ta’ €18,624 u David Tabone qiegħed jiġi akkużat waħdu li kellu fil-pussess tiegħu pilloli MDMA u Kokajina. L-akkużati wieġbu mhux ħatja tal-akkużi kontrih.

Quddiem l-Imħallef Edwina Grima, intagħżlu l-ġurati biex ikunu huma li joħorġu bil-verdett.

Il-każ kien seħħ fl-2008 meta allegatament l-akkużati qablu li l-konsenja tad-droga MDMA kellha ssir minn Rio Micallef lil David Tabone u lil Darren James Vella f’garaxx li kien juża l-istess Darren James Vella f’Birkirkara u li tiegħu kellu ċ-ċavetta.

Huma kellhom ibiegħu d-droga lil terzi persuni. Dan kollu ħareġ hekk kif il-pulizija raw messaġġi fuq il-mobiles tagħhom fejn dawn kellhom jagħmlu qligħ ta’ flus enormi għalihom.

Il-Pulizija kienet qiegħda ssegwi l-passi tagħhom fl-inħawi ta’ Birkirkara. Imbgħad fil-15 ta’ Settembru tal-2008 huma ltaqgħu quddiem il-Butterfly Bar, f’Birkirkara.

Minn hemm imbgħad saqu wara xulxin fid-direzzjoni ta’ Triq il-Knisja l-Qadima fejn kien jinsab il-garaxx. Fuq il-post, Rio Micallef, allegatament intebaħ li kien hemm il-Pulizija, tbaxxa quddiem van u ħarab jiġri, bl-uffiċjali jiġru warajh u jarrestawh.

Pulizija oħrajn kienu arrestaw lil akkużati l-oħrajn. Tabone kien qiegeħd iġorr basket iswed li fih kien hemm €9,330 fi flus kontanti kif ukoll miżien elettroniku. Il-Pulizija sabu wkoll basket tal-plastik żgħir minn taħt vann li Rio Micallef deher jitbaxxa biex jiġbru. F’dan il-basket instabu ewġ boroż tal-plastik b’1,940 pillola bajda, li l-espert tal-Qorti rriżulta li dawn kienu pilloli tal-MDMA li fis-suq kienu jġibu l-prezz ta’ €18,624. Fil-pusses ta’ David Tabone, il-pulizija sabet ukoll droga.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Kevin Valletta, Godwin Cini u Danica Vella għan-nom tal-Avukat Ġenerali.

Għal Rio Micallef qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Jose Herrera u Alex Scerri Herrera. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jassistu lil David Tabone, filwaqt li għal Darren James Vella qed jidhru l-Avukati Micheal Sciriha u Matthew Xuereb.

Sport