Wednesday, December 25, 2024

X’tgħid il-liġi tal-konsumatur dwar ritorn ta’ prodotti u rifużjonijiet?

Claire Micallef
Claire Micallef
Uffiċjal għall-Informazzjoni għad-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Meta l-konsumaturi jkunu ser jirritornaw xi prodotti, speċjalment issa li għaddew il-festi, ħafna drabi ma jifhmux għalfejn bejjiegħa differenti japplikaw poloz ta’ ritorn differenti. Filwaqt li hemm ħafna bejjiegħa li mill-ewwel jaċċettaw li jibdlu l-prodott jew li jagħtu nota ta’ kreditu u saħansitra hemm min anke jagħti rifużjoni tal-flus imħallsa, hemm oħrajn li m’għandhomx poloz ta’ ritorn li jippermettu dan it-tip ta’ bdil.  F’sitwazzjonijiet hekk, il-konsumaturi jistaqsu xi drittijiet għandhom u jekk il-bejjiegħ ikunx qed jikser il-liġi b’dak li joffrilhom.

Il-konsumaturi jridu jżommu f’moħħhom li d-dritt biex jitolbu rifużjoni jiddependi minn tliet (3) affarijiet: mill-ħanut jew mill-bejjiegħ li mingħandu jkun inxtara l-prodott, ir-raġuni għalfejn ser jiġi ritornat il-prodott u kif ġie mixtri l-prodott.

Ladarba t-tranżazzjoni tal-bejgħ tiġi konkluża, din issir legalment vinkolanti u ma tistax titħassar. Dan ifisser li qabel wieħed jikkonkludi x-xiri, għandu dejjem jżomm f’moħħu li l-liġi ma tagħtihx id-dritt li jikkanċella x-xiri u jitlob rifużjoni tal-flus imħallsa sempliċiment għax jibdel fehmtu jew għax ikun għamel għażla ta’ xiri ħażina.

Meta jseħħ dan, ir-rieda tajba tal-bejjiegħ jew tal-kumpanija minn fejn ikun inxtara l-prodott hi kruċjali minħabba li r-rimedji li l-konsumaturi jistgħu jiksbu, jiddependu fuq il-poloz ta’ ritorn li japplika l-bejjiegħ jew il-kumpanija. Illum il-ġurnata, fortunatament, ħafna mill-bejjiegħa jaċċettaw li jibdlu l-prodotti mhux mixtieqa u uħud anke joffru nota ta’ kreditu. Issib ukoll bejjiegħa li joffru rifużjoni tal-flus imħallsa ladarba l-prodott jiġi ritornat fiż-żmien stipulat u f’kundizzjoni li jista’ jerġa’ jinbiegħ.

Sabiex wieħed jagħmel użu minn dawn il-poloz ta’ ritorn, għandu dejjem jiċċekja x’poloz japplika l-ħanut qabel ma’ jikkonkludi x-xiri. Barra minn hekk, jekk ma jkunx kompletament ċert mill-prodott u jkun jixtieq li jkun hemm il-possibiltà għar-rifużjoni tal-flus imħallsa, jeħtieġ li jinforma lill-bejjiegħ b’dan qabel jikkonkludi x-xiri. Jekk jintlaħaq ftehim fuq hekk, importanti li l-konsumaturi jkollhom evidenza ta’ dan il-ftehim. Għalhekk tajjeb li kull ftehim li jsir, l-aħjar li jsir bil-miktub.

Importanti ħafna wkoll li wieħed ikun jaf x’inhuma t-termini u kundizzjonijet tal-poloz ta’ ritorn tal-bejjiegħ. Dawn normalment ikunu jinkludu informazzjoni dwar kemm hu twil il-perjodu li matulu wieħed jista’ jirritorna l-prodott, x’dokumenti wieħed ikun irid juri u kif għandhom jiġu ritornati l-prodotti. Il-konsumaturi li ma jsegwux dawn il-kundizzjonijiet jaf jitilfu l-possibiltà li jieħdu l-prodott li ma jridux lura u jitolbu rimedju.

F’każ li l-prodott qed jiġi ritornat għaliex huwa difettuż, jew għaliex mhuwiex konformi mal-kuntratt tax-xiri, il-bejjiegħa huma legalment obbligati li joffru lill-konsumaturi rimedju xieraq u bla ħlas.  F’sitwazzjonijiet hekk, il-liġi tal-konsumatur tagħti ċ-ċans lill-bejjiegħa sabiex l-ewwel isewwu l-prodott jew jibdlu l-prodott.  Iżda, f’każ li dawn ir-rimedji ma jkunux possibbli jew ikunu ser joħolqu inkonvenjenza kbira lill-konsumatur, dan tal-aħħar ikun jista’ jagħżel li jieħu rifużjoni totali jew parzjali tal-flus imħallsa.

Il-konsumaturi jaf isibu bejjiegħa li jgħidulhom li l-kumpanija ma toffrix rifużjonijiet ta’ flus kontanti u jistgħu joffru biss li jibdlu l-prodott jew nota ta’ kreditu. Il-konsumaturi għandhom ikunu jafu li prattiċi bħal dawn huma illegali minħabba li poloz hekk ikunu qed inaqqsu d-drittijiet tal-konsumatur.

Il-konsumaturi jgawdu minn iktar drittijiet meta l-prodott ikun mixtri onlajn jew lill-hinn mill-post tan-negozju. Dan it-tip ta’ xiri hu protett mir-Regolamenti għad-Drittijiet tal-Konsumaturi li jagħtu lill-konsumaturi erbatax-il (14) ġurnata li matulhom ikunu jistgħu jikkanċellaw ix-xiri li għamlu.  Dan iż-żmien hu magħruf bħala l-cooling-off period u matulu l-konsumaturi jistgħu jibdlu fehmthom, iħassru x-xiri mingħajr ma jagħtu raġuni għalfejn u jitolbu rifużjoni totali tal-flus imħallsa.

Il-konsumaturi, iżda, jaf ikollhom iħallsu l-ispejjeż sabiex jirritornaw il-prodott lura għand il-bejjiegħ. Jekk dan ikun il-każ, il-konsumaturi għandhom ikunu infurmati b’mod ċar dwar dawn l-ispejjeż qabel ma jikkonkludu l-kuntratt tax-xiri.

Hemm tipi ta’ prodotti li huma esklużi mill-cooling-off period. Fosthom insibu prodotti magħmula skont il-gosti u speċifikazzjonijiet tal-konsumaturi, prodotti li jiddeterjoraw jew jiskadu malajr, prodotti magħluqa u li ġew miftuħa mill-konsumaturi u ma jistgħux jiġu ritornati minħabba raġunijiet ta’ saħħa u iġene, kontenut diġitali li mhuwiex mogħti b’mod tanġibbli u li beda jingħata bil-kunsens tal-konsumatur; kif ukoll servizzi ta’ akkomodazzjoni, trasport ta’ prodotti, servizzi ta’ kiri ta’ karozzi jew servizzi oħra relatati ma’ divertiment meta l-kuntratt ikun jinkludi data jew perjodu speċifiku.

Jekk il-konsumaturi jkollhom xi dubju dwar xi drittijiet legali tagħhom, l-aħjar hu li dejjem jitolbu l-għajnuna u l-assistenza tal-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur billi jimlew il-formola tal-Contact Us minn fuq is-sit elettroniku tal-MCCAA jew billi jċemplu fuq il-freephone 80074400.

Ekonomija

Sport