Bdew mill-ġdid sessjonijiet edukattivi fl-iskejjel waqt SkolaSajf, intiżi biex ikomplu jedukaw u joħolqu kuxjenza dwar l-indafa pubblika, bil-protagonist ewlieni fihom jkun il-karattru tant rinomat ma’ dan is-suġġett, Xummiemu.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield żaru l-iskola ta’ Wied il-Għajn waqt waħda minn dawn is-sessjonijiet.
F’dawn is-sessjonijiet, it-tfal jitgħallmu dwar l-importanza tar-riċiklaġġ, f’liema boroż għandhom jitqiegħdu materjali differenti, l-importanza li ma jintremix skart illegali u kemm idum biex materjali differenti jiddegradaw jekk ma jintremewx kif suppost. It-tfal kollha preżenti waqt dawn is-sessjonijiet jagħmlu wegħda li jsiru Xummiemu Rangers, fejn jwiegħdu li se jikkontribwixxu għall-missjoni ta’ Xummiemu u jieħdu azzjoni jekk jiltaqgħu ma’ xi rimi illegali.
Il-Ministru Clifton Grima faħħar din l-inizjattiva għaliex spjega l-importanza li bħala poplu, min età żgħira, nitgħallmu u ngħożżu l-ambjent ta’ madwarna.
“Fl-iskejjel tagħna qed nagħtu edukazzjoni sħiħa li tfisser edukazzjoni li tkopri mhux biss il-kurrikulu, imma wkoll suġġetti li jwasslu lit-tfal biex ikunu ċittadini sħaħ. Iż-żamma tal-ambjent huwa suġġett li nedukaw dwaru wkoll. Huwa tajjeb li nuru lit-tfal l-importanza tal-ambjent li jmur lil hinn mid-dar tagħna,” spjega l-Ministru Clifton Grima. Huwa sostna wkoll li miż-żjarat li jagħmel fl-iskejjel jaf kemm il-ġenerazzjoni tal-lum għandha għal qalbha l-ambjent.
“Għalhekk nemmen li din il-ġenerazzjoni se tkun ta’ eżempju għalina biex aħna wkoll nagħmlu sforz akbar ħalli nifhmu li l-ambjent huwa parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum u għalhekk irridu nibżgħu għalih,” temm jgħid il-ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Glenn Bedingfield spjega kif biex nieħdu ħsieb pajjiżna irridu nilħqu lil kulħadd. “Għalhekk qed nagħmlu dawn is-sessjonijiet mat-tfal. Irridu nrawwmu kultura ta’ ndafa għaliex biex nieħdu ħsieb pajjiżna għandna bżonn sforz kollettiv mill-kbar u miż-żgħar.”
Apparti fl-iskejjel, bħalissa għaddejja wkoll kampanja nazzjonali li tippromwovi l-indafa pubblika filwaqt li twassal għarfien dwar mezzi differenti li jeżistu biex iċ-ċittadin jirrapporta rimi illegali, fostom mill-app ‘Clean and Upkeep’ jew permezz ta’ telefonata fuq il-linja 1718.